Malta hija ġenna għall-għaddasa: il-baħar ċar daqs il-kristall, il-ħajja marina affaxxinanti, l-ammont kbir ta' bastimenti mgħarrqa interessanti u abbundanza ta' skejjel professjonali u ċċertifikati għall-għaddasa minn fejn tagħżel.

 
Kemm jekk għadek tibda u trid tara x'inhu dan l-eċċitament kollu li jsemmu (mintix ser toħroġ diżappuntat) jew jekk inti għaddas professjonali li qed tfittex esperjenzi uniċi taħt l-ilma, Malta għandha dan kollu. L-aqwa fost kollox, minħabba d-distanzi qosra tal-pajjiż, qatt ma jintilef ħafna ħin fit-trasport minn destinazzjoni għall-oħra.

Il-gżejjer joffru lill-għaddasa l-opportunità li jesploraw il-fdalijiet spettakolari ta' bastimenti mgħarrqa, li huma aċċessibbli minn fuq ix-xatt u bid-dgħajsa. L-istorja militari u marittima sinjura tfisser li ser ikollok iċ-ċans li tesplora ferm aktar minn sempliċiment sikek artifiċjali. Il-fdalijiet tal-bastimenti militari f'qiegħ il-baħar, primarjament mit-Tieni Gwerra Dinjija, jinkludu Bristol Fighter, sottomarini, bastimenti li jiġbdu l-mini u destrojers. Hemm ukoll bastiment tat-truppi tal-Ewwel Gwerra Dinjija, imsejjaħ il-Polynesian, li huwa komplut bil-kanuni u saħansitra wħud mill-oġġetti tal-fuħħar.

L-għaddasa mingħajr esperjenza normalment jibdew b'mawra fuq l-HMS Maori, destrojer li ġie mgħarraq matul il-bombardamenti persistenti tal-Ġermaniżi tul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-fond massimu tiegħu huwa ta' 14-il metru u qiegħed imserraħ fuq ramel bajdani li jipprovdi kuntrast u riflessjoni eċċellenti.

Sessjonijiet ta' għadis aktar popolari jinkludu l-fdalijiet qerrieda tal-Um el Faroud – tanker Libjan li ġie mgħarraq wara splużjoni traġika li ħasdet il-ħajja ta' disa' ħaddiema tat-tarzna, kif ukoll il-lanċa tal-irmonk bl-isem ta' MV Rozi – li tinsab fiċ-Ċirkewwa f'fond ta' 35 metru. Dawn iż-żewġ bastimenti mgħarrqa huma ppriservati relattivament tajjeb u l-għaddasa għandhom il-probabbiltà kbira li jiltaqgħu ma' ħajja marina mill-aktar interessanti.

L-għaddasa li jagħżlu li jesploraw is-sikek u l-għerien ta' taħt il-baħar għandhom ukoll ħafna minn fejn jagħżlu. Kemmuna – gżira kważi inabitata li tinsab bejn Malta u Għawdex, toffri fost l-aktar nisġa affaxxinanti ta' għerien tal-arċipelagu, filwaqt li l-għadis f'għerien bħal Għar Lapsi fin-nofsinhar ta' Malta jipprovdi lill-għaddasa b'esperjenza maġika ta' baħar fond ta' lewn blu luminixxenti. Dawk li huma entużjasti biex jesploraw u josservaw il-ħajja marina x'aktarx li jkollhom iċ-ċans li jiltaqgħu ma' firxa wiesgħa ta' kreaturi tal-baħar, inkluż qarnit, barrakuda, skorfna, fireworms u żwiemel tal-baħar.

 

 

 

 

 

 

1