This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
Kien 2,000 sena ilu li San Pawl ġarrab l-għarqa wara li l-ġifen li kien fuqu ħabat ma' sikka fil-Gżejjer Maltin, b'mod aktar speċifiku, fuq gżira żgħira li issa hija magħrufa bħala l-Gżira ta' San Pawl bejn il-bajja tal-Mistra u dik tal-Imġiebah. Huwa dan l-avveniment li jingħata mertu għall-wasla tat-twemmin Kattoliku f'Malta - reliġjon li għandha tibqa' stabbilita u b'saħħitha għall-eluf ta' snin li ġejjin.
Meta kienu maħkuma mill-Ordni reliġjuża Kristjana tal-Kavallieri ta' San Ġwann, il-Gżejjer kienu jitqiesu bħala kolonja difensiva kontra l-avvanz tal-Iżlam. Dan wassal għall-assedju mdemmi tal-1565, avveniment li stimola t-twemmin tal-Maltin fil-kattoliċiżmu sakemm il-Gżejjer kisbu l-indipendenza fl-1964.
Il-kostituzzjoni tal-1964 stabbilixxiet it-twemmin Kattoliku bħala r-reliġjon ta' Malta, u kien permezz tagħha li l-awtoritajiet tal-knisja ingħataw id-dritt u d-dover li jipprovdu t-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel, waqt li fl-istess ħin tiggarantixxi d-dritt ta' kull ċittadin li jistqarr it-twemmin tiegħu, irrispettivament mir-reliġjon li jħaddan.
Il-Kattoliċiżmu għad għandu preżenza qawwija ħafna f'Malta moderna. Il-festi tal-irħula, minkejja li jistgħu jidhru u jitqiesu minn xi wħud bħala pagani, għadhom iduru madwar il-qima lejn il-qaddis patrun tar-raħal. L-iskejjel, kemm dawk pubbliċi kif ukoll privati, għadhom iwasslu t-tagħlim obbligatorju tar-reliġjon u, b'mod ġenerali, il-ġenituri għadhom jieħdu ċ-ċelebrazzjonijiet tas-sagramenti ta' wliedhom b'serjetà kbira.
Il-Knisja tipparteċipa wkoll b'mod attiv f'dibattiti soċjali u politiċi. Dan l-aħħar, Malta introduċiet il-leġiżlazzjoni tad-divorzju, li l-knisja opponiet għaliha bil-qawwa kollha. Il-veduti tal-knisja fuq id-dinjità tal-ħajja għandhom ukoll is-sehem tagħhom fil-mod ta' kif Malta tħares lejn leġiżlazzjonijiet oħrajn, inkluż fir-rigward tal-fertilizzazzjoni in vitro u l-abort – b'dan tal-aħħar huwa illegali f'Malta.
Malta Kattolika moderna nbidlet kemmxejn minn xi snin ilu meta l-Knisja kellha setgħa qawwija fil-ħajja ta' kuljum. Filwaqt li l-Maltin għadhom jitqiesu bħala poplu kattoliku ħafna b'madwar nofs il-popolazzjoni tattendi l-quddiesa ta' kull nhar ta' Ħadd b'mod regolari, il-Gżejjer qegħdin jaraw tnaqqis fl-appoġġ għall-Knisja, kif ukoll bidla bil-mod mill-valuri mmexxija mill-Knisja.