Il-festa tar-raħal Maltija hija l-essenza ta' dak kollu li huwa Mediterranju magħsura f'avveniment wieħed. Dawn il-festi jikkombinaw id-dwal ikkuluriti, il-mużika tal-banda u l-ispettakli impressjonanti u storbjużi tal-logħob tan-nar, flimkien ma' folla ta' mijiet ta' nies li joħorġu mill-każini u l-ħwienet tax-xorb għal ġot-toroq storbjużi f'ċelebrazzjoni waħda u kbira. Hija esperjenza memorabbli ta' ikel, xorb, mużika u fanfara.

Ġeneralment, il-festi jiġu ċċelebrati bejn ix-xhur ta' Mejju u Settembru, għalkemm hemm xi ftit eċċezzjonijiet. Kull raħal għandu mill-inqas qaddis patrun wieħed u dan iservi bħala l-bażi għall-festa tar-raħal. Matul dawk il-jiem magħżula għall-festa, dak ir-raħal partikolari jżejjen it-toroq bi statwi u bandalori ddedikati lill-qaddis, u matul dik il-ġimgħa kollha, in-nies tal-lokal u t-turisti jingħaqdu flimkien sabiex igawdu ċ-ċelebrazzjonijiet u l-brijju tal-festa.

Il-kjoskijiet tal-ikel li jarmaw fit-toroq iservu minn kollox, minn hot dogs sa ikel tradizzjonali. Ipprova l-imqaret, li huma tip ta' ħelu tat-tamal moqlija fiż-żejt. Dawn huma delizzjużi immens u borża mimlija tiswiek inqas minn 2 Euros. Ħelu artiġġjanali u tradizzjonali ieħor huwa l-qubbajt. F'dawn il-festi ssib ħafna li jkunu qegħdin ibiegħu dan il-ħelu tant favorit mal-Maltin. Il-bejjiegħa normalment ikunu armati bi kjoskijiet skuri tal-injam bi mwieżen antiki sabiex iservu dan il-prodott mill-aktar ħelu.

Il-marċi tal-banda huma parti integrali miċ-ċelebrazzjoni. Il-banda lokali ddoqq il-marċi favoriti tal-festa, li ħafna minnhom ikunu kompożizzjoni ta' xi surmast lokali. Waqt li l-mużiċisti tal-banda jdoqqu l-marċi brijjużi tul it-toroq u madwar il-knisja tar-raħal, il-folol sikwit ikunu mexjin warajhom.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta' kull festa jilħqu l-qofol tagħhom biċ-ċerimonja tal-irfiegħ tal-istatwa. Id-devoti tal-festa jitfgħu l-offerta tagħhom sabiex dawk bl-ogħla offerta jingħataw il-privileġġ li joħorġu l-istatwa mill-knisja u jpoġġuha f'post prominenti fil-pjazza tar-raħal. Din iċ-ċerimonja ġeneralment tkun akkumpanjata minn folla mdaqqsa li tesprimi l-ferħ tagħha b'ċapċip u brijju.

Jekk l-irfiegħ tal-istatwa huwa ritwal ċerimonjali importanti, l-aktar li jagħtu pjaċir lill-folla żgur li huma l-ispettakli tal-logħob tan-nar. Malta hija magħrufa ħafna għall-kapaċità piroteknika tagħha u din il-kapaċità mkien ma tintwera aħjar mill-festa tar-raħal. L-ispettakli normalment jinvolvu l-murtali, li huma xorta ta' bombi li jagħmlu splużjoni eċċezzjonali meta jinfetħu fis-sema, logħob tan-nar ikkulurit li jdawwal is-sema bil-lejl, u l-ġigġifogu jew irdieden tan-nar – strutturi elaborati li jipproduċu spettakli li jgħammxu l-għajnejn ta' ħsejjes u lwien.
 

 

 

 

 

 

 

 

 

1