Kull btala tintemm bl-istess mod - f'tentattiv iddisprat sabiex tagħlaq bagalja li ċertament ma kinitx iddisinjata biex iżżomm fiha u ġġorr l-ammont ta' oġġetti li tkun xtrajt matul l-aħħar ġimgħa jew ġranet li tkun qattajt f'dak il-post. Madankollu, inti ma taqtax qalbek - filwaqt li min ikun miegħek ipoġġi fuq il-bagalja biex iniżżel il-ħwejjeġ u l-affarijiet kemm jista' jkun 'l isfel, inti tiġbed iż-żipp b'kemm għandek saħħa, fejn tispiċċa tbiddel il-kuluri. Iżda din il-kedda kollha kienet vallapena? Definittivament.

Ix-xiri waqt li tkun fuq btala jagħti sens ta' liberazzjoni. Lura d-dar, ix-xiri jsir b'ħafna għaġġla u ġenn biex taqta' l-oġġetti minn fuq il-lista, l-għażla tkun pjuttost prevedibbli u l-postijiet minn fejn tmur tixtri jkunu familjari wisq. Min-naħa l-oħra, ix-xiri waqt li tkun fuq btala jagħtik l-opportunità li dduq ikel eżotiku, tipprova stili differenti u tixtri xi souvenir jew tnejn.
 
Il-Belt Valletta: Il-Belt Valletta, li bla dubju hija l-aktar destinazzjoni popolari max-xerrejja matul is-sena kollha, hija l-ħolma ta' kull min iħobb ix-xiri. Hawnhekk ma għandekx bżonn trasport mekkanizzat – il-ħwienet kollha jinsabu qrib ħafna ta' xulxin u ċertament jakkomodaw kull ħtieġa immaġinabbli. Filwaqt li l-moda tiddomina l-għażla, issib ukoll bosta ħwienet tal-ġojjelli, tal-kosmetika, tal-ġugarelli, tal-affarijiet tad-dar u wħud mill-aqwa negozjanti tat-tessuti lokalment. F'din il-belt issib ukoll is-Suq, li huwa popolari ħafna u li jinkludi bejjiegħa tal-frott u l-ħxejjex, bejjiegħa tal-ħut, ikel delikat u bejjiegħa tal-laħam, ilkoll taħt saqaf wieħed f'bini eleganti ta' stil kolonjali.
 
Tas-Sliema: Tas-Sliema, li hija waħda mill-aktar bliet popolari ta' Malta matul l-istaġun tas-sajf, ma tagħmilx għajb lill-Belt Valletta f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri. Din il-lokalità hija mimlija bil-ħwienet u hemm ukoll xi ċentri tax-xiri, inkluż l-aktar ċentru tax-xiri popolari ta' Malta - il-Kumpless tax-Xiri tal-Plaza. Filwaqt li x-xerrejja jistgħu prattikament isibu dak kollu li jridu, il-ħwienet f'dan il-kumpless għandhom it-tendenza li jiffokaw fuq il-moda, il-ġojjellerija, il-kotba u affarijiet elettroniċi. L-għadd numeruż ta' kafetteriji li huma minsuġin kważi strateġikament bejn il-ħwienet għandhom jagħmlu l-ġurnata tiegħek waħda ta' rilassament u mistrieħ, minflok tisfa bla nifs.
 
Għawdex: L-aħjar post biex takkwista xi ħaġa bi prezz tajjeb fuq din il-gżira huwa l-belt kapitali Victoria. Żur iċ-ċentri tax-xiri kbar li jinsabu erba' passi bogħod mill-qalba tal-belt jew il-varjetà ta' ħwienet żgħar moħbija fit-toroq imserrpin. Jekk tkun ixxurtjat biżżejjed li tinzerta s-suq li jarma kuljum fil-pjazza ċentrali, żgur li ser issib oġġetti u rigali interessanti, souvenirs u lbies tal-baħar.
 

X'tista' tieħu d-dar miegħek: Tista' ssib diversi souvenirs eċċellenti u attraenti f'ħafna postijiet madwar il-gżejjer. Dawn jinkludu rappreżentazzjonijiet f'minjatura ta' bini popolari u skulturi famużi mnaqqxin mill-ġebla tal-franka lokali. L-ikel huwa prodott li qiegħed isir dejjem aktar popolari max-xerrejja – l-ikel delizzjuż u raffinat tipikament Malti u ppakkjat b'mod attraenti huwa ċertament tifkira mill-aqwa tal-btala tiegħek. Probabbilment l-aqwa akkwist li persuna tista' tagħmel waqt li tkun fuq btala f'Malta huwa biċċa xogħol artistika minn artist lokali. Il-galleriji tal-arti huma mifruxin mal-gżira kollha u huma kkonċentrati l-aktar f'Tas-Sliema u fil-Belt Valletta.
 

 

1