This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
Minħabba d-daqs limitat tagħha, il-bajjiet ta' Malta għandhom it-tendenza li jkunu ferm iżgħar minn dawk li ssib fi bnadi oħrajn, iżda bħas-soltu, f'dak kollu li għandu x'jaqsam ma' din il-gżira ċkejkna, iċ-ċokon jitpatta bil-kwalità. Malta għandha għadd ta' bajjiet imxerrdin madwar il-gżejjer, li sitta minnhom ingħataw ċertifikat ta' Blue Flag.
Il-Bajja ta' San Ġorġ – Din il-bajja kklassifikata bħala Blue Flag żdiedet dan l-aħħar mal-lista ta' bajjiet f'Malta. Il-bajja, li tinsab f'post ċentrali qrib Paceville, iċ-ċentru tad-divertiment ta' Malta, tista' tintlaħaq faċilment u l-pożizzjoni kennija tagħha tippermetti għawm mill-aqwa matul is-sena kollha.
Il-Bajja ta' Buġibba - Il-Bajja ta' Buġibba, li wkoll hija kklassifikata bħala Blue Flag, hija bajja tar-ramel magħmula mill-bniedem, bħall-Bajja ta' San Ġorġ. Il-pożizzjoni tagħha, flimkien mal-kosta ferm popolari ta' Buġibba, jagħmluha faċilment aċċessibbli għal dawk li jkunu qegħdin alloġġjati f'waħda mill-ħafna lukandi li nsibu f'din iż-żona. Il-bajja hija mgħammra wkoll b'uffiċjali tas-salvataġġ staġjonali biex jgħinu lill-għawwiema f'każ ta' diffikultà fil-baħar, kif ukoll faċilitajiet oħrajn bħal tojlits u doċoċ.
Il-Bajja tal-Mellieħa – Il-Bajja tal-Mellieħa, li possibbilment hija l-akbar bajja u l-aktar waħda popolari f'Malta, hija medda twila ta' ramel fid-daħla tal-Bajja kbira tal-Mellieħa. Il-bajja għandha ammont kbir ta' faċilitajiet, inklużi ħwienet u kjoskijiet tal-ikel u ristoranti, doċoċ u tojlits. Grazzi għall-pożizzjoni unika tagħha, din il-bajja kklassifikata bħala Blue Flag toffri lil dawk li huma avventurużi xelta kbira ta' opportunitajiet għall-esplorazzjoni, grazzi wkoll għall-kampanja spettakolari u r-riżervi naturali li hemm fil-qrib.
Il-Ponta tal-Qawra – Din il-medda żgħira ta' ramel u blat, li tinsab ftit 'lil hemm mill-promenade tal-Qawra, toffri lill-għaddasa l-possibbiltà li josservaw il-ħajja marina fl-aqwa tagħha.
Ir-Ramla l-Ħamra – Il-bajja tar-Ramla l-Ħamra, li litteralment tfisser ‘Ramel Aħmar’, hija l-aktar bajja popolari fil-gżira ta' Għawdex. Bħal ħafna mill-bajjiet li nsibu fil-gżira oħt Malta, it-triq li twassal għal din il-bajja hija waħda mserrpa li tgħaddi minn ġo wied (kuntrarju għal dik li qiegħda parallela mal-bajja). Dan l-ambjent ikompli jżid mas-sens ta' iżolament u jpoġġik aktar qrib tal-ambjent naturali tal-madwar. Din il-bajja hija wkoll ikklassifikata bħala Blue Flag.
Għajn Tuffieħa – Din il-bajja ramlija, magħrufa wkoll bħala l-Bajja tar-Riviera, tinsab fil-Majjistral tal-gżira u tifforma parti minn sensiela ta' bajjiet li jipprovdu fost l-aqwa għawm f'Malta. Iżda hija din il-bajja li hija magħrufa l-aktar għall-veduti ferm spettakolari tagħha. Din il-bajja iżolata hija mkennija f'formazzjoni f'għamla ta' anfiteatru komposta minn art imsaġġra, siġar u formazzjonijiet impressjonanti ta' blat.
Il-Bajja tal-Mixquqa (Golden Bay) – Il-Bajja tal-Mixquqa (magħrufa aħjar bħala Golden Bay), li tinsab qrib ħafna ta' Għajn Tuffieħa fuq it-tramuntana tagħha, hija waħda mill-favoriti kemm mal-Maltin kif ukoll mat-turisti – hija aktar spazjuża u aktar fonda minn Għajn Tuffieħa, filwaqt li hija mgħammra b'aktar faċilitajiet.
Malta żgur tissodisfa lil dawk kollha li jħobbu l-avventura, għalhekk, jekk dawn ta' hawn fuq mhumiex biżżejjed għalik, nissuġġerulek tesplora wħud minn dawn il-bajjiet.