This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
Malta, li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar pajjiżi siguri fid-dinja, hija l-aqwa destinazzjoni għal btala għall-familja kollha. B'bosta attrazzjonijiet u temp mill-aqwa, l-ippjanar tal-btala tiegħek f'Malta mal-familja u t-tfal żgur mhux ser iħallik nieqes mill-ideat u l-għażliet.
Għalkemm Malta hija rinomata l-aktar bħala destinazzjoni Sajfija, il-Gżejjer Maltin jippreżentaw varjetà ta' għażliet għad-divertiment tal-familji u t-tfal. It-tfal jirrikjedu ħafna attenzjoni u jistgħu jkunu xi ftit diffiċli, speċjalment waqt btala, u jekk għandek tfal ta' etajiet differenti, allura taf kemm jista' jkun diffiċli sabiex tikkuntenta lil kulħadd. Madankollu, tista' sserraħ moħħok li b'attivitajiet li jvarjaw minn waterslides sa żjara fil-kalzri tat-torturi, xiri ta' ħwejjeġ tal-aħħar moda sa paragliding, hi x'inhi l-età jew il-preferenza tiegħek, hemm xi ħaġa għal kulħadd.
Waħda mill-aktar attrazzjonijiet popolari fis-sajf hija l-iSplash and Fun Park. B'water-slides, żoni fejn jilagħbu t-tfal u l-akbar pixxina bil-mewġ fl-Ewropa, l-unika problema li ser ikollok hija meta tiġu biex titilqu. Maġenb dan il-park eżatt, hemm il-Mediterraneo Marine Park, fejn it-tfal jistgħu jgħumu mad-dniefel u jgawdu l-ispettakli tal-foki.
Għal tfal li huma iżgħar, Popeye Village huwa ideali. Dan il-villaġġ ta' fantasija, li oriġinarjament kien sett fejn inħadem u nġibed il-film ta' Popeye fl-1980, huwa komplut b'dgħajjes tas-sajd pittoreski u bi djar antiki tas-sajjieda, kollox ambjentat taħt irdum wieqaf li jħares lejn il-baħar; iżda dan il-post joffri ferm aktar minn xenarju. Taħt il-villaġġ hemm bajja spettakolari b'baħar akkwamarin, slides u faċilitajiet ta' sport tal-baħar; filwaqt li fuq il-villaġġ, hemm fun-park għat-tfal ta' kull età, komplut b'ġinnasju fi stil ta' ġungla fuq żewġ sulari, rikbiet u divertiment ieħor. Il-bars u r-ristoranti huma post eċċellenti fejn tista' tieħu xi ħaġa tajba u tirrilassa, filwaqt li tisma' l-istejjer eċċitanti ta' telleriti mbaskta bix-xemx!
Mill-iMdina Dungeons sal-Malta Experience, dawra bid-dgħajsa sa Blue Grotto fiż-Żurrieq, Jeep Safaris, irkib taż-żwiemel u esperjenzi prattiċi u diretti fis-sengħa tal-biedja, hemm ħafna u ħafna attivitajiet pjaċevoli li permezz tagħhom it-tfal jistgħu jiddevertu u jedukaw ruħhom. Jekk dan kollu ma jirnexxix, vjaġġ sal-Blue Lagoon ta' Kemmuna għandu jkun esperjenza maġika għal kulħadd. Din il-bajja blu u ċara daqs il-kristall li tifred liż-żewġ gżejjer (Kemmuna u Kemmunett) għandha tassew biex tkun kburija, minħabba li għandha fost l-aktar baħar sabiħ għall-għawm fl-arċipelagu; sempliċiment kun żgur li tieħu miegħek biżżejjed krema għal kontra l-qilla tax-xemx.
Il-kosta fit-tramuntana ta' Malta hija perfetta għat-tfal żgħar li jieħdu gost iċafċfu u jgħumu fil-ħafna bajjiet tar-ramel, li ħafna minnhom għandhom faċilitajiet ta' gwardji tal-kosta matul ix-xhur tas-Sajf.