This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
B'xelta abbundanti ta' lukandi, ristoranti ta' klassi għolja u diskoteki moderni f'żona li hija magħrufa bħala Paceville, din il-lokalità hija waħda mill-aktar popolari mat-turisti u hija lokalità mfittxija ħafna, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa.
San Ġiljan, li beda bħala villaġġ tas-sajd pittoresk, ftit li xejn kienu jgħammru nies fih sa mitejn jew tliet mitt sena ilu. Madankollu, nistgħu ngħidu li, illum il-ġurnata, San Ġiljan ħa x-xettru tat-titolu tal-belt kapitali tal-kultura u d-divertiment mingħand il-Belt Valletta. Żgħażagħ minn madwar il-gżira kollha u minn kull rokna tad-dinja jinġabru f'dan il-post prolifiku fi tmiem il-ġimgħa sabiex jiddevertu fid-diskoteki, fis-swali taċ-ċinema u fil-ħwienet tax-xorb tiegħu, li jinsabu ftit passi bogħod minn xulxin.
Fl-imgħoddi, din iż-żona kienet tintuża bħala post għall-kaċċa mill-Kavallieri, li semmew iż-żona għall-qaddis patrun tal-kaċċaturi. Raffaele Spinola, kavallier prominenti, kien bena l-villa tiegħu tħares lejn il-bajja żgħira li għadha ġġib ismu sal-lum. Illum il-ġurnata, il-Bajja ta' Spinola hija mimlija attività, billi tospita għadd ġmielu ta' ristoranti, kafetteriji u ħwienet tax-xorb.
Bil-preżenza ta' diversi lukandi u stabbilimenti tal-ikel u tad-divertiment, San Ġiljan għandu wkoll bajja li tattira bosta nies li jħobbu l-baħar minn madwar Malta kollha. Il-fatt li l-lokalità ta' San Ġiljan tinsab qrib ħafna tal-belt ġara ta' Tas-Sliema u l-kumplessi tax-xiri tagħha, kif ukoll vjaġġ qasir bil-karozza tal-linja lejn u mill-Belt Valletta, ikompli jagħmilha pjuttost attraenti minħabba li hija ċentrali u qrib l-attrazzjonijiet li jinsabu fil-qrib.
L-ikliet fuq barra u l-mixjiet romantiċi max-xatt huma xi ħaġa komuni minħabba li l-bajja toffri xenarju ferm attraenti matul ix-xhur sħan tas-sajf.