
B'aktar minn 7,000 sena ta' storja mifruxa fuq xejn aktar minn 300 kilometru kwadru, il-Gżejjer Maltin jistgħu tabilħaqq jiftaħru bi storja li hija miżgħuda bi fdalijiet li ħallewlhom il-ħakkiema tal-passat.
L-hekk imsejjaħ Arċipelagu Malti, li jikkonsisti f'għadd ta' gżejjer bl-akbar fosthom huma Malta, Għawdex u Kemmuna, jinkludi wkoll xi gżejjer iżgħar; jiġifieri Kemmunett, Filfla, il-Gżejjer ta' San Pawl u l-Gżira tal-Isqof (magħrufa aħjar bħala Manoel Island), li fuqhom ma jgħixux nies.
Il-Gżejjer Maltin, li jinsabu proprju f'nofs il-Baħar Mediterran, għandhom repertorju vast ħafna ta' tempji preistoriċi u siti li jinkludu fdalijiet Rumani, binjiet Normanni u medjevali, kif ukoll arkitettura barokka li lkoll flimkien taw lill-gżejjer fużjoni ta' kultura, tradizzjonijiet u storja.
Il-Gżejjer, li jippreżentaw xelta kontrastanti ta' pajsaġġi u lokalitajiet, jipprovdu diversi attrazzjonijiet li jvarjaw minn dawk storiċi u reliġjużi għal divertiment għall-familja kollha. Il-kosta Maltija hija mżejna b'għadd ġmielu ta' xtajtiet u bajjiet tar-ramel u tal-blat, li jagħmluha faċli sabiex wieħed jinżel jieħu għawma rinfreskanti. It-temp affaxxinanti u l-ġmiel tal-ibħra tant ċari tal-Gżejjer Maltin jattiraw għadd kbir ta' turisti kull sena li jżuru dan il-pajjiż apposta biex jgħoddsu.