This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
Il-belt kapitali l-antika ta' Malta kienet magħrufa b'għadd ta' ismijiet differenti abbażi tal-ħakkiema u l-irwol tagħha fuq medda ta' 4,000 sena minn mindu twaqqfet. Hija baqgħet magħrufa l-aktar bħala Citta Notabile (Il-belt nobbli), isem li jixirqilha perfettament minħabba li fiha kienu jgħixu wħud mill-aktar familji nobbli u dinjitużi ta' Malta, li wħud minnhom kienu dixxendenti tas-sidien fewdali Normanni, Sqallin u Spanjoli li ħakmu u għexu fl-Imdina fis-sekli li għaddew.
Waqt dan il-vjaġġ lura fiż-żmien, ser ikollok iċ-ċans li tiskopri taħlita affaxxinanti ta' arkitettura barokka u medjevali fit-toroq mill-aktar imserrpin ta' din il-belt, knejjes imżejnin u ppriservati b'mod meraviljuż, palazzi maestużi u swar li jdawru din il-belt siekta f'mużew fil-beraħ.
Fid-dawl tad-dehra klassika u eterna tagħha, l-entraturi tal-Imdina huma fost l-aktar entraturi impressjonanti għal belt, flimkien ma' dawk li nsibu f'Rodi u Pitigliano. Il-valur tal-Imdina jinsab ukoll fil-fatt li hemm restrizzjoni fuq il-karozzi li jistgħu jidħlu fiha, li twassal biex hija tibqa' belt siekta minħabba l-atmosfera mill-aktar kwieta u kalma tagħha mogħnija b'teżori moħbija li żgur iħajruk tesplorahom bil-faxxinu tagħhom.
L-Imdina, li hija mperrċa fuq medda ta' art 'il fuq minn wiċċ il-baħar, għandha wkoll Katidral li kien ġarrab ħsara estensiva waqt terremot devastanti li kien laqat lill-pajjiż fl-1693 u li kien reġa' nbena minn Lorenzo Gafa’ fl-1702. L-art tal-Katidral hija ċċangata u mżejna b'oqbra tal-irħam li juru dettalji bħall-istemma tal-isqfijiet tal-Imdina u ta' membri sinjifikanti oħrajn tal-Katidral.
Il-belt tal-Imdina, li hija mfawra bil-lussu u n-nobbiltà, toffri lil dawk li jżuruha intuwizzjoni mill-aktar diskreta li ftit nies biss jistgħu jesperjenzaw u jħossu matul ħajjithom. Erġa' lura fiż-żmien u agħmel konoxxenza mill-ġdid ma' belt klassika. L-Imdina tisboq l-immaġinazzjoni ta' dawk kollha li jżuruha minħabba li bħal donnha baqgħet wieqfa fi żmien ta' eleganza u sbuħija eterna.