Ġonna
Kull belt grandjuża għandu jkollha ġonna grandjużi. Il-belt Valletta mhijiex eċċezzjoni. Dak li jiddistingwi dawn il-ġonna minn ġonna oħrajn huwa l-fatt li kull wieħed mill-ġonna prinċipali għandu veduti spettakolari.
Kemm jekk il-veduti spettakolari tal-Port il-Kbir mill-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq, jew il-veduti espansivi tal-baħar miftuħ mill-Ġonna tal-Barrakka ta' Isfel, dawn il-postijiet trankwilli jagħtu ċ-ċans lit-turisti u l-ħaddiema għajjiena jaħarbu mill-istorbju u l-ħajja mgħaġġla tal-qalba tal-belt.
Il-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq
Dawn huma l-aktar ġonna famużi tal-Belt Valletta, u bir-raġun. Il-ġonna għandhom fost l-aktar veduti panoramiċi tal-Port il-Kbir. Dawk li jżuru dan il-ġnien sabiħ, li jinsab fuq il-quċċata tas-sur ta' San Pietru u San Pawl, jistgħu jirrilassaw fuq il-bankijiet qalb il-ħdura jew inkella fil-partijiet aktar esposti għar-riħ bejn il-ħnejja. Dawn tal-aħħar joffru l-aqwa veduti. Il-ġonna jilqgħu fihom ukoll xogħlijiet artistiċi notevoli, inkluża skultura partikolarment attraenti intitolata Les Gavroches, li nħadmet mill-Iskultur Malti ta' fama Antonio Sciortino.
Il-Ġonna tal-Barrakka ta' Isfel
Għalkemm huma inqas popolari mill-Ġonna tal-Barrakka ta' Fuq, il-Ġonna tal-Barrakka ta' Isfel joffru mistrieħ aktar trankwill għall-viżitaturi. Dawn il-ġonna, li jinsabu fuq in-naħa tal-Lvant tal-belt, għandhom monument Neoklassiku li huwa ddedikat lil Sir Alexander Ball, l-ewwel u l-aktar maħbub minn fost il-Gvernaturi Ingliżi.
Il-Ġnien ta' Hastings
Dan il-ġnien trankwill inbena ad unur Lord Hastings, li kien it-tieni Gvernatur ta' Malta. Huwa ġie ddisinjat fuq stil Neoklassiku u jinkludi monument iddedikat lil Lord Hastings innifsu. Il-ġonna huma magħrufa għall-veduti maestużi tal-port ta' Marsamxett. Minn dan il-ġnien jidhru wkoll il-marina tal-jottijiet fl-Imsida u l-Gżira tal-Isqof (magħrufa aħjar bħala Manoel Island).