Informazzjoni Ġenerali

L-Air Malta għandha l-impenn li tirrispetta l-privatezza tiegħek u tipproteġi d-data personali tiegħek.

F’din il-Politika tal-Privatezza (din il-”Politika”), “Air Malta”, “aħna” jew “tagħna” tfisser Air Malta plc. (kumpanija inkorporata f’Malta, bin-numru ta’ reġistrazzjoni C-2685, u bl-uffiċċji prinċipali f’Sky Parks Business Centre, Level 2, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, LQA 4000. Malta), “int” jew “tiegħek” tfisser int, il-persuna li tagħtina data personali; u, “data personali” għandha jkollha t-tifsira mogħtija lilha fl-Artikolu 4 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li se jibda japplika mill-25 ta’ Mejju 2018 (“GDPR”).

Id-data personali kollha li tinkiseb minna tinżamm u tintuża f’konformità ma’ din il-Politika, mal-Att Malti dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (il-Kapitolu 440 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif emendat u kif ikun applikabbli (“DPA”), u mal-GDPR. Air Malta plc. titqies bħala kontrollur tad-data għall-finijiet tad-DPA u tal-GDPR.

Meta nitolbuk tipprovdi ċerta data personali, int tista’ sserraħ moħħok li din se tintuża biss f’konformità ma’ din il-Politika. Din il-Politika tapplika għal data personali dwarek li aħna niġbru, nużaw jew inkella nipproċessaw b’rabta mar-relazzjoni tiegħek magħna bħala klijent jew klijent potenzjali, inkluż meta int tivvjaġġa magħna jew tuża s-servizzi l-oħrajn tagħna, tuża s-siti web jew l-applikazzjonijiet tal-mowbajl, l-aġenti tas-servizz jew iċ-ċentri telefoniċi tagħna u tibbukkja biex tuża s-servizzi tagħna permezz ta’ partijiet terzi (bħal aġenti jew trasportaturi oħra). Madankollu, aħna m’aħniex responsabbli għall-użu li jagħmlu l-partijiet terzi mid-data personali tiegħek fejn dan l-użu jkun permess għall-iskopijiet tagħhom stess u int għandek tikkonsulta l-politiki tal-privatezza tagħhom għal aktar informazzjoni.

Din il-politika se tidħol fis-seħħ fid-”Data Effettiva” mniżżla hawn taħt. Aħna nirriżervaw id-dritt, fid-diskrezzjoni unika u assoluta tagħna, li nibdlu jew nimmodifikaw din il-Politika meta rridu. Jekk niddeċiedu li nibdlu l-Politika tal-Privatezza tagħna, aħna se naġġornaw id-data tal-modifika tal-Politika tal-Privatezza hawn taħt u nħeġġuk taqra u taċċetta l-bidliet.)

L-aċċess jew l-użu kontinwu tiegħek ta’ kwalunkwe wieħed mis-servizzi jew mill-prodotti tagħna jew ix-xiri tiegħek ta’ kwalunkwe wieħed mis-servizzi jew mill-prodotti tagħna wara xi bidla jew modifika għal din il-Politika għandu jikkostitwixxi kunsens għal kwalunkwe bidla jew modifika bħal din.

Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa din il-Politika, peress li l-aċċess, ix-xiri, jew l-użu tiegħek ta’ kwalunkwe wieħed mis-servizzi jew mill-prodotti tagħna jikkostitwixxi l-aċċettazzjoni tiegħek tat-termini u l-prattiki kollha deskritti f’din il-Politika, inkluż mingħajr limitazzjoni, il-ġbir, l-użu, l-ipproċessar u l-iżvelar tad-data personali tiegħek kif deskritt f'din il-Politika. Jekk jogħġbok taċċessax jew tużax ebda wieħed mis-servizzi jew mill-prodotti tagħna jew tixtri l-ebda wieħed mis-servizzi jew mill-prodotti tagħna jekk int ma taqbilx ma’ xi parti ta’ din il-Politika.

Jekk għandek xi mistoqsijiet jew tħassib dwar din il-Politika jew l-implimentazzjoni tagħha, int mistieden tikkuntattja l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tagħha f’[email protected] jew f’Air Malta, Level 2, Sky Parks Business Centre, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, LQA 4000. Malta.

X’tipi ta’ data personali niġbru?

Aħna niġbru data personali dwarek, dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tiegħek, dwar kif tuża s-servizzi u l-prodotti tagħna, u dwar kif tuża s-siti web, iċ-ċentri telefoniċi u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl tagħna, u din id-data personali li tinġabar hekk tinkludi mingħajr limitazzjoni:

·         Ismek u kunjomok;

·         Informazzjoni ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz ta’ residenza, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefon, u n-numru tal-fax;

·         Id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u l-informazzjoni dwar il-passaport tiegħek meta tibbukkja titjira magħna;

·         Deskrizzjoni personali u ritratt (inkluż il-passaport u dokumenti ta’ identifikazzjoni oħrajn) meta tibbukkja titjira magħna;

·         Gosti personali (eż. ikel u xorb) u rekwiżiti tad-dieta;

·         Kundizzjoni medika (eż. allerġiji għal skopijiet ta’ catering, u diżabbiltà);

·         Informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tiegħek, bħal dettalji tal-bukings tiegħek, l-itinerarju tal-vjaġġ, dettalji dwar kwalunkwe għajnuna addizzjonali li teħtieġ u informazzjoni oħra relatata mal-vjaġġ tiegħek magħna.

·         Informazzjoni dwar is-servizzi li tajnik fil-passat, inklużi l-arranġamenti tal-ivvjaġġar preċedenti tiegħek, bħal titjiriet u bukings oħra, u kwistjonijiet relatati, bħal titjib, eċċ.

·         Informazzjoni dwar l-użu tiegħek tas-siti web, iċ-ċentri telefoniċi u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl tagħna, inkluż informazzjoni dwar liema paġni tara;

·         Informazzjoni dwar l-interazzjonijiet li jkollok magħna u mal-persunal tagħna;

·         Informazzjoni biex intejbu s-servizzi tagħna, nissodisfaw l-iskopijiet amministrattivi tagħna u nipproteġu l-interessi kummerċjali tagħna inkluż: il-kontabbiltà, il-ħlasijiet u l-awditu, il-kreditu jew verifika oħra tal-kard tal-ħlas, l-iskrinjar tal-frodi (inkluża tali informazzjoni kif tiġi rċevuta minn banek ta’ partijiet terzi u istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu oħra), is-sigurtà, l-iskopijiet ta’

sigurtà u legali, l-analiżi statistika u tal-kummerċjalizzazzjoni, l-ittestjar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi; u 

·           Informazzjoni oħra li tista’ tkun meħtieġa minna, biex inwettqu l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe kuntratt li aħna u int nkun fih, u/jew biex intwettqu stħarriġ u/jew offerti għall-klijenti tagħna.

Din id-data personali tista’ tinkludi informazzjoni li int tagħtina direttament jew permezz ta’ kumpaniji jew aġenti li aħna naħdmu magħhom, kif ukoll informazzjoni li aħna niġbru meta int tuża l-prodotti jew is-servizzi tagħna.

Meta, u għaliex, aħna niġbru “data personali sensittiva”?

Ċerti kategoriji ta’ data personali, bħal dik li tikkonċerna r-razza, l-etniċità, ir-reliġjon jew is-saħħa, jitqiesu bħala “data personali sensittiva” taħt id-DPA u l-GDPR. B’mod ġenerali, aħna nippruvaw nillimitaw iċ-ċirkostanzi fejn aħna nipproċessaw data personali sensittiva. Madankollu, dan jista’ jseħħ kull tant żmien minħabba li:

·         int tkun tlabt għajnuna medika speċifika mingħandna u/jew mingħand operatur tal-ajruport, bħall-għoti ta’ assistenza għal siġġu tar-roti jew tal-ossiġnu, jew,

·         int tkun fittixt awtorizzazzjoni mingħandna biex tivvjaġġa b’kundizzjoni medika jew għaliex int tkun ħobla, jew,

·         int inkella għażilt li tagħti din l-informazzjoni lilna (jew lil parti terza bħall-aġent jew is-sensar li permezz tiegħu għamilt il-buking tiegħek).

Barra minn hekk, jista’ jkun li għamilt talbiet oħrajn b’rabta biex tagħmel l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tiegħek li possibbilment jistgħu jimplikaw jew jissuġġerixxu xi ħaġa dwarek li tista’ tikklassifika bħala “data personali sensittiva”. Pereżempju, jekk int titlob tip partikolari ta’ ikla speċjali dan jista’ jimplika jew jissuġġerixxi li int tħaddan twemmin reliġjuż partikolari jew li għandek kundizzjoni medika partikolari.

Jekk tagħti xi data personali li tkun, jew li tista’ titqies li tkun, “data personali sensittiva”, int taqbel b’mod espliċitu li aħna nistgħu niġbru, nużaw, naqsmu ma’ partijiet terzi u nittrasferixxu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea din id-Data Personali, kif deskritt f’din il-Politika.

Jekk tirtira l-kunsens tiegħek, dan jista’ jfisser li aħna mhux se nkunu nistgħu nagħtu l-prodotti jew is-servizzi kollha, jew partijiet minnhom, li int tkun tlabt mingħandna. Jekk jogħġbok kun af li f’dawn iċ-ċirkostanzi int mhux se tkun tista’ tikkanċella jew tikseb rifużjoni ta’ xi tariffa li tkun ħallast.

Għal xiex nużaw id-data personali tiegħek?

Aħna naħżnu, nimmaniġġjaw, nibagħtu u b’mod ġenerali nipproċessaw id-data personali sabiex nagħtuk l-aħjar servizz, u b’mod partikolari għar-raġunijiet li ġejjin:

·         Aħna se jkollna bżonn nużaw id-data personali biex nissodisfaw it-talba tiegħek u nagħtuk it-titjira tiegħek jekk tagħżel li tivvjaġġa magħna. Dan se jinkludi ngħaddu d-data personali tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti bħall-aġenziji tal-kontrolli tal-passaport u tal-fruntieri u, fejn ikun xieraq, lill-awtoritajiet rilevanti tal-pulizija u doganali. Aħna jaf inkunu meħtieġa wkoll nikkuntattjawk jekk ikollna xi mistoqsijiet li jirrigwardaw it-talba tiegħek;

·         Biex inwieġbu l-mistoqsijiet ġenerali li int tqajjem minn żmien għal żmien dwar is-servizzi tagħna;

·         Biex niżguraw li int ma tkunx jew kwalunkwe passiġġier ieħor ma jkunx is-suġġett jew il-mira ta’ xi liġi jew regolament ta’ sanzjoni ekonomika jew kummerċjali jew projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar;

·         Għall-finijiet tal-kontabbiltà u tal-ħlasijiet, l-immigrazzjoni u l-kontrolli doganali, is-saħħa u s-sigurtà, is-sikurezza u l-konformità legali;

·         Biex inwettqu l-obbligi u/jew ninfurzaw id-drittijiet li jirriżultaw minn xi kuntratt li int u aħna nkunu mdaħħlin fih;

·         Għaż-żamma ta’ rekords interna u għall-amministrazzjoni ġenerali tar-rekords tiegħek minna;

·         Għal skopijiet ta’ sigurtà biex nipproteġu d-data personali tiegħek li tinżamm u/jew li tiġi pproċessata minna;

·         Biex inħarrġu lill-impjegati tagħna sabiex jagħtuk is-servizz u l-prodotti tagħna;

·         Għal analiżi statistika;

·         Biex intejbu l-prodotti u s-servizzi tagħna;

·         Għall-iskopijiet kummerċjali ġenerali tagħna, fejn int tkun avżajtna li tagħti l-kunsens biex tirċievi informazzjoni dwarna u dwar is-servizzi, il-prodotti u l-offerti tagħna;

·         Minn żmien għal żmien, aħna nistgħu wkoll nużaw id-data personali tiegħek biex nikkuntattjawk għal feedback dwar is-servizzi tagħna u s-servizzi ta’ fornituri ta’ parti terza sabiex tgħinna ntejbuhom u niżviluppawhom.

Mingħajr preġudizzju għal dan t’hawn fuq:

Aħna se nużaw id-data personali tiegħek biex nissodisfaw l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tiegħek u nagħtuk is-servizzi li tlabt. Dan jista’ jinkludi l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar li ma jingħatawx minna iżda li madankollu jagħmlu parti mill-vjaġġ ġenerali tiegħek, bħal dettalji tal-arranġamenti tiegħek fl-ajruporti u formalitajiet doganali u tal-immigrazzjoni.

Jekk jogħġbok kun af li f’xi ajruporti li fihom noperaw, tintuża teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ u teknoloġija bijometrika oħra sabiex jiġi ffaċilitat it-tlugħ abbord l-ajruplan tal-passiġġieri.

Aħna nistgħu nużaw id-data personali tiegħek biex nipprovdu servizzi mfassla apposta għall-ħtiġijiet tiegħek u nittrattawk b’mod aktar personali, pereżempju:

·         biex ngħaddulek messaġġi u informazzjoni li aħna naħsbu li jkunu rilevanti u li jistgħu jkunu ta’ interess għalik, qabel, waqt u wara l-vjaġġ tiegħek magħna

·         biex nippersonalizzaw u nfasslu apposta l-esperjenza tal-ivvjaġġar tiegħek

Aħna nistgħu nużaw u nżommu d-data personali tiegħek, inkluż il-kronoloġija tax-xiri tiegħek, għal skopijiet amministrattivi, li jistgħu jinkludu, pereżempju, il-kontabbiltà u l-ħlasijiet, l-awditjar, il-kreditu jew kontrolli oħra tal-kard tal-ħlas, skrinjar kontra l-frodi (inkluż l-użu ta’ tfittxijiet tal-aġenziji ta’ referenza tal-kreditu u verifiki tal-validazzjoni tal-kard tal-ħlas), l-immigrazzjoni u l-kontrolli doganali, is-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa, l-iskopijiet amministrattivi u legali u l-ittestjar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi.

Ma’ min naqsmu d-data personali tiegħek?

Id-data personali tiegħek tista’ tiġi żvelata lil parti terza li tixtrina jew li b’mod sostanzjali tixtri l-assi kollha tagħna.

Aħna nistgħu naqsmu wkoll xi ftit mid-data personali tiegħek jew niksbu d-data personali tiegħek mingħand il-kategoriji ta’ partijiet terzi li ġejjin:

·         Ajruporti, awtoritajiet tal-gvern, korpi tal-infurzar tal-liġi u regolaturi meta dan ikun meħtieġ biex inwassluk għad-destinazzjoni tiegħek jew meta dan ikun meħtieġ mil-liġi. Pereżempju, għal rotot speċifiċi tal-ivvjaġġar, aħna meħtieġa bil-liġi li nagħtu lill-aġenziji tal-kontroll fil-fruntieri informazzjoni relatata mad-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek u mal-itinerarju tal-ivvjaġġar tiegħek.

·         Aġenti tal-ivvjaġġar jew kumpaniji oħra li permezz tagħhom int tibbukkja t-titjiriet tal-Air Malta tiegħek

·         Fornituri li jipprovdulna servizzi sabiex jgħinuna mmexxu n-negozju tagħna u ntejbu s-servizzi tagħna u l-esperjenza tal-klijent tiegħek. Aħna nistgħu, pereżempju, naqsmu d-data personali tiegħek mal-kumpaniji li jipprovdulna servizzi fuq l-art għall-ajruporti li noperaw lejhom. Aħna nistgħu wkoll niżvelaw l-informazzjoni tiegħek liċ-ċentru ta’ kuntatt tagħna jew lill-kumpaniji li jgħinuna niksbu l-feedback tiegħek dwar is-servizzi tagħna. 
Fl-Air Malta, aħna nagħżlu bir-reqqa l-fornituri tagħna li jipproċessaw id-data personali tiegħek f’isimna u neħtiġuhom jikkonformaw ma’ standards tas-sigurtà għoljin għall-protezzjoni tad-data personali tiegħek. 

·         Kumpaniji tal-karta tal-kreditu u ta’ debitu 
Air Malta taqsam xi ftit mid-data personali tiegħek, li tinkludi informazzjoni dwar il-metodu ta’ pagament u l-buking tat-titjiriet tiegħek, mal-kumpanija tal-karta tal-kreditu u ta’ debitu li ħarġet il-karta li int użajt biex tagħmel il-buking tiegħek. Sabiex niżguraw is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet tiegħek u nipprevjenu jew nidentifikaw tranżazzjonijiet frodulenti, aħna nistgħu naqsmu wkoll l-informazzjoni tiegħek mas-sieħeb tal-iskrinjar tal-frodi tagħna.

·         Is-sħab tagħna li joffru prodotti u servizzi relatati mal-ivvjaġġar fuq is-sit web tagħna, jippromwovu offerti jew jorganizzaw b’mod konġunt kompetizzjonijiet fuq is-sit web tagħna
Minn żmien għal żmien, aħna nagħmlu ċerti offerti ta’ partijiet terzi disponibbli permezz tas-sit web tagħna jew nippubblikaw kompetizzjonijiet organizzati b’mod konġunt minn partijiet terzi. Jekk tagħżel li tixtri prodotti jew servizzi offruti fuq is-siti web tagħna minn partijiet terzi (pereżempju kiri ta’ karozzi), taċċetta offerti jew tipparteċipa f’kompetizzjoni, xi ftit mid-data personali tiegħek, bħad-dettalji ta’ kuntatt u l-informazzjoni dwar il-ħlas tiegħek, tista’ tinġabar direttament minn dik il-parti terza jew tiġi żvelata lilha.
Għaldaqstant, jekk tixtri l-prodotti jew is-servizzi tagħhom, l-informazzjoni tiegħek tista’ tinġabar minn jew tintbagħat lis-Sħab tagħna. Jekk jogħġbok kun ċert li tirrevedi l-politiki tal-privatezza rilevanti u t-termini tal-użu ta’ dawn is-sħab qabel tixtri l-oġġetti jew is-servizzi tagħhom, tuża s-siti web, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi tagħhom jew tagħtihom xi data personali. 

Minbarra l-partijiet elenkati hawn fuq, aħna nistgħu niżvelaw id-data personali tiegħek meta dan ikun meħtieġ mil-liġi ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni li għaliha l-Air Malta tista’ tkun soġġetta.

L-Air Malta u trasportaturi oħrajn huma meħtieġa mil-liġijiet f’diversi pajjiżi li jagħtu lill-aġenziji tal-kontroll fil-fruntieri u lil awtoritajiet pubbliċi oħra aċċess għal informazzjoni dwar il-buking u dwar l-ivvjaġġar u data personali oħra (inkluża data miksuba minn dokumenti uffiċjali tal-identifikazzjoni bir-ritratt). Għaldaqstant, kull informazzjoni li aħna nżommu dwarek u dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tiegħek tista’ tiġi żvelata lill-awtoritajiet doganali, tal-immigrazzjoni u pubbliċi ta’ kull pajjiż fl-itinerarju tiegħek.

Barra minn hekk, il-liġijiet f’diversi pajjiżi jeħtieġu lill-Air Malta u lit-trasportaturi l-oħrajn jiġbru informazzjoni dwar il-passaport u informazzjoni assoċjata għall-passiġiera kollha qabel jivvjaġġaw lejn u minn dawn il-pajjiżi. Meta jkun meħtieġ, l-Air Malta se tagħti din l-informazzjoni lill-awtoritajiet doganali u tal-immigrazzjoni rilevanti.

Meta niġbru data personali dwarek?

Aħna niġbru data personali dwarek meta int tuża s-servizzi jew il-prodotti tagħna (irrispettivament jekk jingħtawx direttament minna jew minn kumpanija jew aġent ieħor), meta int tivvjaġġa magħna, u meta tuża s-sit web, iċ-ċentri telefoniċi jew l-applikazzjonijiet tal-mowbajl tagħna. Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ meta aħna niġbru data personali dwarek:

·         meta int tibbukkja jew tfittex għal titjira jew prodotti jew servizzi oħra fuq is-sit web jew l-applikazzjonijiet tal-mowbajl tagħna;

·         meta int tibbukkja jew tfittex għal titjira jew prodotti jew servizzi oħra permezz tal-mezzi tal-bejgħ tagħna, bħal permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar

·         meta int tikkuntattja liċ-ċentri telefoniċi tagħna jew lil aġenti tas-servizz jew rappreżentanti tal-bejgħ

·         meta int tivvjaġġa magħna u tuża ajruporti fejn aħna noperaw

·         jekk int tuża l-faċilitajiet fis-swali tal-ajruport li nipprovdu aħna jew li jipprovdu l-aġenti tagħna

·         jekk int tuża s-servizzi ta’ divertiment u ta’ komunikazzjoni ta’ waqt it-titjira

·         jekk tlesti stħarriġ tal-klijenti jew tagħtina feedback

·         jekk tidħol f’kompetizzjoni jew tirreġistra għal promozzjoni

·         jekk tagħżel li tinteraġixxi magħna permezz tal-midja soċjali, bħal Facebook.

Barra minn hekk, aħna nistgħu nirċievu data personali dwarek minn partijiet terzi, bħal:

·         kumpaniji kuntrattati minna biex jagħtuk servizzi

·         kumpaniji involuti fil-pjanijiet tal-ivvjaġġar tiegħek, inklużi l-operaturi tal-ajruport u l-awtoritajiet doganali u tal-immigrazzjoni rilevanti

·         kumpaniji (eż. fornituri ta’ kiri ta’ karozzi u lukandi) li jipparteċipaw fil-programmi tagħna

Kif nużaw il-cookies

Sabiex intejbu s-servizzi tagħna, biex nagħtuk kontenut aktar rilevanti u nanalizzaw kif il-viżitaturi jużaw is-sit web u l-applikazzjoni tagħna, aħna nistgħu nużaw teknoloġiji, bħal cookies, pixels jew softwer tal-intraċċar. Jekk jogħġbok kun af li fil-parti l-kbira tal-każijiet aħna mhux se nkunu nistgħu nidentifikawk mill-informazzjoni li niġbru billi nużaw dawk it-teknoloġiji.

Pereżempju, aħna nużaw softwer biex nimmonitorjaw ix-xejriet tat-traffiku u l-użu tas-sit web tal-klijenti biex jgħinna niżviluppaw id-disinn u t-tqassim tas-sit web sabiex intejbu l-esperjenza tal-viżitaturi tas-sit web tagħna. Dan is-softwer ma jippermettilniex niġbru xi data personali. Barra minn hekk, sabiex nifhmu kif il-klijenti tagħna jinteraġixxu mal-posta elettronika u mal-kontenut li nibagħtu, aħna nużaw pixels li jippermettulna nkunu nafu jekk il-posta elettronika li nibagħtu tinfetaħx jew jekk il-kontenut tal-posta elettronika tagħna jintweriex f’format testwali jew html.

Aħna nużaw ukoll cookies fis-set web, fl-applikazzjoni tal-mowbajl u fil-posta elettronika tagħna. Cookies huma biċċiet żgħar ta’ informazzjoni li jinħażnu mill-brawżer tiegħek fuq il-ħard drajv tal-kompjuter tiegħek. Dawn jippermettulek tinnaviga fuq is-sit web jew fuq l-applikazzjoni tagħna u jippermettulna nipprovdu karatteristiċi bħal li niftakru l-aspetti tal-aħħar tfittxija għal titjira tiegħek biex nagħmlu tfittxijiet sussegwenti aktar rapidi. Int tista’ tħassar il-cookies jekk tixtieq; filwaqt li ċerti cookies huma meħtieġa biex tara u tinnaviga fuq is-sit web jew l-applikazzjoni tagħna, ħafna mill-karatteristiċi xorta se jkunu aċċessibbli mingħajr cookies.

 Għal aktar informazzjoni dwar kif nużaw il-cookies u kif tista’ tneħħihom, aqra l-Politika tal-Privatezza tagħna

Meta se nibagħtulek komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni?

Int tista’ tirċievi komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mingħandna jekk għażilt li tirċievi tali materjal.

Aħna nistgħu nużaw partijiet terzi biex jibagħtu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni f’isimna. Jekk xi darba nkunu nixtiequ li nippermettu lil parti terza tibgħatlek kummerċjalizzazzjoni diretta mhux relatata mal-Air Malta, aħna l-ewwel se nfittxu l-permess tiegħek qabel naqsmu d-dettalji tiegħek magħhom.

Jekk int qabel qbilt li aħna nużaw l-informazzjoni tiegħek għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, int tista’ tibdel fehemtek meta trid billi tibdel il-preferenzi tiegħek u tagħżel li ma tipparteċipax jew tiktbilna fuq [email protected]

Sigurtà, ħażna, u trasferiment

Aħna għandna l-impenn li niżguraw li d-data personali tiegħek tkun sigura l-ħin kollu. Għandna proċeduri fiżiċi, elettroniċi u maniġerjali xierqa fis-seħħ sabiex nissalvagwardjaw u niżguraw id-data personali li niġbru online.

L-impjegati u l-fornituri kollha tagħna li għandhom aċċess għad-data personali tiegħek u/jew li huma assoċjati mal-ipproċessar ta’ dik id-data huma kuntrattwalment obbligati jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-data personali tiegħek. Bħala eżempju, jekk int tkun passiġġier fuq titjira li noperaw aħna int tista’ sserraħ rasek li l-ebda wieħed mill-ekwipaġġ tagħna mhu se jieħu ritratt tiegħek waqt li tkun fuq l-ajruplan tagħna u mbagħad itella’ r-ritratt fuq il-midja soċjali, jew jiżvela lil xi persuna oħra l-fatt li int tkun qed tivvjaġġa fuq l-ajruplan tagħna, jew jiżvela xi informazzjoni kunfidenzjali tiegħek li jista’ jkollu interess fiha matul it-titjira tiegħek (f’kull każ, sakemm l-iżvelar ma jkunx meħtieġ għal xi raġuni stabbilita f’din il-Politika).

Id-data personali tiegħek se tinħażen u tiġi pproċessata mis-sistemi tagħna u tista’ wkoll tinħażen jew tiġi pproċessata mis-sistemi ta’ proċessur(i) tad-data ta’ parti terza maħtur(a) minna.  Id-data personali li aħna niġbru minnek tista’ tintbagħat f’destinazzjoni barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) u tinħażen fiha. Din tista’ tiġi pproċessata wkoll minn impjegati li joperaw barra miż-ŻEE li jaħdmu għalina jew għal wieħed mill-fornituri tagħna. Dawn l-impjegati jistgħu, fost affarijiet oħra, jinvolvu ruħhom fil-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ. Jekk tissottometti d-data personali tiegħek, int taqbel għal dan it-trasferiment, il-ħżin jew l-ipproċessar. Aħna se nieħdu l-passi kollha raġjonevolment meħtieġa sabiex niżguraw li d-data personali tiegħek tiġi ttrattata b’mod sigur u f’konformità ma’ din il-Politika, mad-DPA u mal-GDPR (kif ikun applikabbli), kwalunkwe u kull Regolament applikabbli tal-Unjoni Ewropea, u kwalunkwe u kull liġi relatata mal-protezzjoni tad-data li tapplika għall-Air Malta, u aħna se niżguraw ukoll li jkun hemm ftehim bil-miktub fis-seħħ bejnna u bejn kull tali kumpanija li jkun fih obbligi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data li ma jkunux inqas onerużi minn dawk stabbiliti f'din il-Politika, fid-DPA u fil-GDPR, sabiex niżguraw li d-data personali tiegħek tkun protetta b’mod adegwat.

Aħna se nżommu d-data personali tiegħek għal kemm ikollna bżonnha għall-għan li għalih tkun qed tiġi pproċessata. Pereżempju, meta int tibbukkja titjira magħna, aħna se nżommu l-informazzjoni relatata mal-buking tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nissodisfaw l-arranġamenti tal-ivvjaġġar speċifiċi li int tkun għamilt u, wara dak, aħna se nżommu l-informazzjoni għal perjodu li jippermettilna nittrattaw jew nirrispondu għal xi lmenti, mistoqsijiet jew tħassib relatati mal-buking. L-informazzjoni tista’ tinżamm ukoll sabiex aħna nkunu nistgħu nkomplu ntejbu l-esperjenza tiegħek magħna u biex niżguraw li int tirċievi kull premju ta’ lealtà li jkun dovut lilek.

Aħna se nirrevedu b’mod attiv l-informazzjoni li nżommu u nħassruha b’mod sigur, jew f’xi każijiet nagħmluha anonima, meta ma jkunx għad hemm ħtieġa legali, kummerċjali jew tal-klijent biex din tinżamm.

It-trażmissjoni tal-informazzjoni fuq l-internet

Sfortunatament, it-trażmissjoni tal-informazzjoni permezz tal-internet mhijiex sigura għalkollox. Minkejja li aħna se nagħmlu l-almu tagħna biex nipproteġu d-data personali tiegħek, ma nistgħux niggarantixxu s-sigurtà tad-data tiegħek li tintbagħat lis-Servizzi tagħna; kull trażmissjoni ssir b’riskju tiegħek. Ladarba nkunu rċevejna d-data personali tiegħek, aħna se nużaw proċeduri u karatteristiċi tas-sigurtà stretti sabiex nippruvaw nipprevjenu l-aċċess mhux awtorizzat

Links għal siti web ta’ partijiet terzi

Is-siti web, is-servizzi online u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl tagħna jistgħu, minn żmien għal żmien, jinkludu links minn u għal siti web tan-netwerks sħab, tal-entitajiet li jirreklamaw u tal-affiljati tagħna. Jekk issegwi link għal xi wieħed minn dawn is-siti web, jekk jogħġbok innota li dawn is-siti web u kwalunkwe servizz li jista’ jiġi aċċessat permezz tagħhom għandu l-politika tal-privatezza tiegħu stess u aħna ma naċċettaw l-ebda responsabbiltà għal dawn il-politiki jew għal xi data personali li tista’ tinġabar permezz ta’ dawn is-siti web jew is-servizzi. Aħna nagħtuk il-parir li tiċċekkja dawn il-politiki qabel tissottometti xi data personali lil dawn is-siti web jew tuża dawn is-servizzi.

Telefonati

Aħna nistgħu nimmonitorjaw jew nirreġistraw il-konverżazzjonijiet bit-telefon biex intejbu s-sigurtà tiegħek u tagħna, sabiex inkunu nistgħu nittrattaw l-ilmenti b’mod effiċjenti, intejbu s-servizz għall-klijenti tagħna u għal skopijiet ta’ taħriġ tal-persunal. Jekk il-konverżazzjoni bit-telefon magħna tkun se tiġi rreġistrata, int se tirċievi messaġġ għal dan il-għan qabel tibda l-konverżazzjoni tiegħek magħna.

L-għoti ta’ informazzjoni dwar persuna oħra

Jekk tkun qed tagħtina data personali dwar persuna oħra int tikkonferma li din tkun ħatret lilek biex taġixxi f’isimha, biex tagħti l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tagħha, u li int tkun għarraftha dwar l-identità tagħna, dwar din il-Politika, u dwar l-iskopijiet (kif stabbilit f’din il-Politika) li għalihom id-data personali tagħha se tiġi pproċessata.

Kif taċċessa, tirrevedi, tittrasferixxi u tħassar id-data personali tiegħek

Aħna se nagħmlu d-data personali tiegħek disponibbli biex tirrevediha wara talba sempliċi mingħandek. Jekk tgħidilna li d-data personali li aħna nżommu dwarek ma tkunx korretta jew ma tkunx qed tintuża b’mod xieraq, aħna se nikkoreġu, naġġornaw jew inħassru din id-data personali kif ikun xieraq. Int għandek ukoll drittijiet oħra, bħad-dritt li titlobna nħassru d-data personali jew li titlob il-portabbiltà tad-data personali jew li tillimita l-ipproċessar jew li toġġezzjona għall-ipproċessar. Għal informazzjoni dwar kif tikseb aċċess għad-data personali tiegħek u kif teżerċita d-drittijiet tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq [email protected]

Ilment, liġi applikabbli u Ġurisdizzjoni

Kull tilwima li tirriżulta minn jew li tkun relatata mal-aċċettazzjoni, l-interpretazzjoni jew l-osservanza ta’ din il-Politika għandha tiġi sottomessa lill-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti kompetenti ta’ Malta li għandha tapplika l-liġijiet ta’ Malta; sakemm, madankollu:

1.   kwalunkwe tilwima li tikkonċerna lill-Air Malta għandha tiġi sottomessa lill-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti kompetenti ta’ Malta li għandha tapplika l-liġijiet ta’ Malta.; u,

2.   jekk din il-Politika tkun inkorporata permezz ta’ referenza f’kuntratt fejn ikollha l-għażla tal-liġi u l-ġurisdizzjoni, kull tilwima li tirriżulta minn jew li tkun relatata mal-aċċettazzjoni, l-interpretazzjoni jew l-osservanza ta’ din il-Politika għandha tiġi sottomessa lill-ġurisdizzjoni, u għandha tkun soġġetta għal-liġi applikabbli ta’ dak il-kuntratt.

Int għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment ma’ awtorità superviżorja.

Aktar dettalji

Aktar dettalji dwar id-drittijiet tiegħek jistgħu jiġu aċċessati fuq is-sit web mill-Uffiċċju ta’ Malta tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data fuq: https://idpc.gov.mt

u fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea fuq: 

http://ec.europa.eu/justice/data-rotection/individuals/rights/index_en.htm