Applikabbiltà
Japplikaw ir-regoli li ġejjin:
- fil-każ li ma toperax titjira li preċedentement kienet ippjanata li tkun operata mill-Air Malta u fejn tal-anqas post wieħed kien riżervat;
- fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajruport fl-UE, u titjiriet operati minn trasportatur bl-ajru tal-Komunità li jitilqu minn ajruport f’pajjiż terz lejn ajruport fl-UE (sakemm ma rċevejtx benefiċċji jew kumpens u ma ġejtx mogħti assistenza f’dak il-pajjiż terz);
- bil-kundizzjoni li għandek buking konfermat;
- biss għal passiġġieri li jivvjaġġaw b’noll disponibbli direttament jew indirettament għall-pubbliku, jew fuq biljetti maħruġa taħt programm ta’ frequent flyer jew programm kummerċjali ieħor.
Regoli għal Kumpens u Assistenza
Jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata, l-Air Malta toffrilek l-assistenza li ġejja:
I. Għażla bejn:
- rimborż fi żmien sebat ijiem (fi flus kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bi ftehim iffirmat tiegħek, f’vawċers tal-ivvjaġġar u/jew servizzi oħrajn) tan-nefqa totali tal-biljett tiegħek, bil-prezz li nxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li diġà saru jekk it-titjira m’għadhiex isservi skop b’relazzjoni mal-pjan oriġinali tiegħek tal-ivvjaġġar, flimkien ma’, fejn rilevanti, titjira tar-ritorn sal-ewwel punt tat-tluq, mal-ewwel opportunità; jew
- irrottar mill-ġdid, f’kundizzjonijiet ta’ trasport simili, sad-destinazzjoni finali tiegħek, mal-ewwel opportunità; jew
- irrottar mill-ġdid, f’kundizzjonijiet ta’ trasport simili, sad-destinazzjoni finali tiegħek f’data aktar tard għall-konvenjenza tiegħek, suġġett li jkun hemm postijiet disponibbli.
II. Barra dan, l-Air Malta toffrilek, bla ħlas:
- ikliet u trattament raġonevoli skont il-ħin ta’ stennija; u
- żewġ telefonati, messaġġi b’telex jew bil-feks jew posta elettronika.
III. Fil-każ ta’ rrottar mill-ġdid b’konnessjoni mat-titjira kkanċellata tiegħek, jekk il-ħin tat-tluq mistenni raġonevolment tat-titjira l-ġdida huwa tal-inqas l-għada tal-ħin tat-tluq ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-Air Malta toffrilek ukoll:
- akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet
- fejn tkun meħtieġa waqfa ta’ lejl wieħed jew aktar, jew
- fejn tkun meħtieġa waqfa addizzjonali għal dik li int kont qed tistenna; u
- trasport bejn l-ajruport u l-post tal-akkomodazzjoni (lukanda jew post ieħor).
IV. Għajr meta:
- tkun avżat bil-kanċellazzjoni tal-anqas ġimagħtejn qabel il-ħin skedat tat-tluq; jew
- tkun avżat bil-kanċellazzjoni bejn ġimagħtejn u sebat ijiem qabel il-ħin skedat tat-tluq u tkun offrut irrottar mill-ġdid, li jippermettilek li titlaq mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin skedat tat-tluq u li tilħaq id-destinazzjoni finali inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin skedat tal-wasla; jew tkun avżat bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin skedat tat-tluq u tkun offrut irrottar mill-ġdid, li jippermettilek titlaq mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin skedat tat-tluq u tilħaq id-destinazzjoni finali tiegħek inqas minn sagħtejn wara l-ħin skedat tal-wasla; jew
- l-Air Malta tista’ tippreżenta provi li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux ikunu evitati anke kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.
int intitolat għal kumpens hekk kif ġej:
- EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew anqas;
- EUR 400 għat-titjiriet kollha intra-Komunitarji ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet l-oħra kollha bejn 1500 u 3500 kilometru;
- EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.
Meta tkun offrut rrottar mill-ġdid sad-destinazzjoni finali tiegħek fuq titjira alternattiva kif spjegat hawn fuq fil-paragrafu I. (b) jew (c), u l-ħin tal-wasla tat-titjira rottata mill-ġdid ma jaqbiżx il-ħin skedat tal-wasla tat-titjira riżervata oriġinarjament: (a) b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew anqas; jew (b) bi tliet sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha intra-Komunitarji ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet l-oħra kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew (c) b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu, l-Air Malta tista’ tnaqqas il-kumpens imsemmi hawn fuq b’50%.
Għall-iskopijiet t’hawn fuq, “destinazzjoni finali” tfisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat lill-bankun tar-reġistrazzjoni, jew, fil-każ ta’ titjiriet ta’ konnessjoni diretta, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira; titjiriet ta’ konnessjoni alternattivi disponibbli ma jitqiesux jekk il-ħin oriġinali ppjanat tal-wasla jkun rispettat.
L-assistenza msemmija hawn fuq tapplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet kollha li jista’ jkollok skont il-liġi applikabbli (inkluża d-Direttiva UE 90/314 dwar il-vjaġġi kollox kompriż) għal kumpens ulterjuri, għalkemm tali assistenza mogħtija tista’ titnaqqas minn kwalunkwe tali kumpens ulterjuri.
Dan l-Avviż huwa meħtieġ mir-Regolament KE 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Ikklikkja hawn għal-lista tad-dettalji ta’ kuntatt tal-korp nazzjonali maħtur għall-infurzar tar-Regolament.