L-Air Malta u l-ITA Airways Jiffirmaw Sħubija Komprensiva ta’ Codeshare

Ottubru 28, 2021

Data: Il-Ħamis, 28 ta’ Ottubru 2021

Ref: 044 - 2021 MT

L-Air Malta u l-ITA Airways Jiffirmaw Sħubija Komprensiva ta’ Codeshare
• Aktar konnettività u għażliet tal-ivvjaġġar bejn Malta u l-Italja għall-klijenti taż-żewġ linji tal-ajru

 

 

L-ITA Airways u l-Air Malta ffirmaw ftehim wiesa’ ta’ Codeshare li jgħaqqad in-networks taż-żewġ linji tal-ajru. Din is-sħubija kummerċjali ġdida, tidħol fis-seħħ nhar il-Ħadd 31 ta’ Ottubru u għandha tagħti spinta lill-ivvjaġġar kummerċjali u lit-turiżmu bejn l-Italja u Malta. Permezz ta’ dan il-codeshare l-klijenti se jgawdu minn aktar għażliet u skedi aħjar ta’ titjiriet meta jivvjaġġaw miż-żewġ ċentri tal-linji tal-ajru f’Ruma u f’Luqa, Malta.

Grazzi għall dan-ftehim, il-klijenti tal-ITA Airways u tal-Air Malta issa jistgħu jtiru bla xkiel lejn id-destinazzjoni mixtieqa tagħhom u b’biljett ‘uniku’, jistgħu jagħmlu check-in fl-ajruport tat-tluq, u jiġbru l-bagalji tagħhom li jkunu checked-in fi tmiem il-vjaġġ tagħhom fl-ajruport tal-wasla.

L-ITA Airways se tapplika l-kodiċi ‘AZ’ tagħha fuq is-servizzi kollha operati mill-Air Malta bejn l-Italja u Malta. Bl-istess mod, l-Air Malta se jkollha codesharing fuq it-titjiriet tal-ITA Airways bejn Malta u Ruma, u b'hekk tgħaqqad mas-servizzi domestiċi Taljani lil hinn mill-ajruport ta’ Ruma Fiumicino u Milan Linate, kif wkoll ċerti servizzi internazzjonali ta’ konnessjoni.

It-titjiriet il-ġodda li jkunu codeshared issa jinsabu għall-bejgħ mis-siti web rispettivi tal-linji tal-ajru (itaspa.com u airmalta.com), mis-sistemi tal-booking u mill-aġenziji tal-ivvjaġġar.

F’kumment dwar dan il-ftehim, Roy Kinnear, l-Kap Kummerċjali tal-Air Malta qal: “Ninsabu eċċitati ħafna b’dan il-ftehim il-ġdid ta’ codeshare li jgħaqqadna ma’ għażla wiesgħa ta’ ajruporti fl-Italja u lil hinn minnha. L-Italja hija wieħed mill-aktar swieq importanti tal-Air Malta u dan il-ftehim se jtejjeb il-preżenza tagħna fis-suq Taljan. Għandna l-intenzjoni li nkomplu naħdmu u nżidu l-kooperazzjoni tagħna mal-ITA Airways biex inġibu aktar benefiċċji għall-klijenti tagħna.”

“Ninsabu kuntenti ħafna b’dan il-ftehim ta’ codeshare mal-Air Malta – żied Andrea Benassi, Kap tan-Network, tal-Flotta u tal-Alleanzi tal-ITA Airways - l-ITA Airways qed tfittex sħubiji siewja ma linji ta l-ajru oħra biex tappoġġa dan il-perjodu importanti ta’ bidu u dan il-ftehim jimxi fid-direzzjoni t-tajba. L-ITA Airways għandha l-għan li ssir linja tal-ajru effiċjenti u innovattiv li se jkun punt ta’ referenza biex jipprovdi lill-Italja b’konnettività ta’ kwalità kemm maż-żewġ destinazzjonijiet internazzjonali, u b’hekk tingħata spinta lit-turiżmu u lill-kummerċ barrani, kif ukoll fil-pajjiż. Dan il-ftehim ta’ kooperazzjoni jipprovdi lill-passiġġieri tagħna bl-aħjar esperjenza tal-ivvjaġġar meta jtiru lejn għadd dejjem akbar ta’ destinazzjonijiet, u jkabbar b’mod sinifikanti l-preżenza tagħna f’Malta, li hija suq ewlieni li jippreżenta opportunitajiet kbar ta’ tkabbir għall-kumpanija”.

Għal aktar dettalji jew bookings żur itaspa.com u airmalta.com jew ikkuntattja lill-aġent lokali tal-ivvjaġġar tiegħek.

-tmiem-

Dwar l-Air Malta

L-Air Malta bdiet topera t-titjiriet fit-1 ta’ April 1974 b’7 servizzi skedati madwar l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Il-linja tal-ajru issa topera flotta ta’ 7 Airbuses, li minnhom 4 ajruplani huma tat-tip A320neo u 3 ajruplani huma tat-tip A320ceo. Matul l-istorja tagħha, hija ttrasportat aktar minn 55 miljun passiġġier lejn u mill-Gżejjer Maltin.

L-Air Malta ġiet ivvutata t-tielet “l-Aqwa Linja tal-Ajru Reġjonali fl-Ewropa” u l-għaxar “l-Aqwa Linja tal-Ajru Reġjonali fid-Dinja” fl-iSkytrax World Airline Awards™ 2021.

Dwar l-ITA Airways

L-ITA - Italia Trasporto Aereo, hija kumpanija proprjetà kollha kemm hi tal-Ministeru Taljan tal-Ekonomija u l-Finanzi għall-eżerċizzju tan-negozju fis-settur tat-trasport bl-ajru. Il-linja tal-ajru ilha attiva minn Novembru 2020. L-ITA Airways topera 44 destinazzjoni b’59 rotta, li sal-2025 għandhom jikbru għal 74 destinazzjoni u 89 rotta, fil-konklużjoni tal-proċess ta’ bbilanċjar mill-ġdid tat-titjiriet lejn is-settur fuq distanzi twal, li huwa mmirat biex jindirizza n-nuqqas ta' konnettività tal-Pajjiż. Il-Kumpanija għandha flotta ta’ 52 ajruplan, inklużi 7 ajruplani tat-tip ‘wide-body’, li huma ajruplani li jkollhom żewġ passaġġi fil-kabina, u 45 ajruplan tat-tip “narrow-body”, jiġifieri ajruplan li jkollu passaġġ wieħed fil-kabina.

1