Il-lingwi uffiċjali ta' Malta, li ngħatat il-George Cross għall-qlubija ċivili tagħha mir-Rè Ġorġ VI, huma l-Malti u l-Ingliż. Ir-reputazzjoni li għandha għall-ospitalità tagħha flimkien mal-kondizzjonijiet tat-temp eċċellenti jagħmlu lil Malta destinazzjoni sigura għall-istudenti li jixtiequ jitgħallmu l-lingwa Ingliża.

Malta, li hija sinjura fil-kultura u l-patrimonju, ibbenifikat mill-160 sena tal-ħakma Ingliża, li matulhom il-poplu tagħha rawwem ħila distinta fl-użu tal-lingwa Ingliża. Studenti minn madwar id-dinja kollha għandhom l-opportunità li jiġu f'Malta sabiex jipprattikaw il-lingwa Ingliża, minħabba li hawnhekk tiġi mitkellma minn ħafna. Ta' kuljum, il-ħwienet li jbiegħu l-gazzetti jkollhom għall-bejgħ ukoll gazzetti bl-Ingliż, li ċertament ikomplu jgħinu fil-kawża tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwa.

Minkejja d-daqs tal-pajjiż, l-attivitajiet ma jonqsu qatt. Matul ix-xhur tas-sajf, l-istudenti jkollhom l-opportunità li jgawdu firxa wiesgħa ta' ċelebrazzjonijiet u attivitajiet ta' sport tal-baħar madwar il-gżejjer – Malta hija d-destinazzjoni ideali għall-iscuba-diving, il-windsurfing, il-waterpolo u s-sajd. Min-naħa l-oħra, matul ix-xhur moderati tax-xitwa, il-kampanja Maltija tieħu dehra spettakolari billi l-fjuri selvaġġi jżejnuha bl-ilwien tagħhom, filwaqt li t-temperatura tinżel biss sa madwar 12-il grad Celsius.

L-Ingliż jiġi mitkellem kullimkien u kważi kulħadd kapaċi jitkellmu tajjeb, għalhekk, stenna li l-ħiliet tiegħek fil-lingwa Ingliża jieħdu spinta tajba ladarba tkun f'dan il-pajjiż. Minbarra li għandek aċċess għall-midja Ingliża permezz tal-ġurnali, ir-radju u t-televiżjoni, il-lingwa tiġi mitkellma fir-ristoranti, fil-kafetteriji, fil-lukandi u l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għat-turisti, fil-bajjiet u prattikament kullimkien.

Madankollu, l-aqwa fost kollox, Malta tista' tintlaħaq bl-ajru minn ħafna bliet Ewropej f'bejn siegħa u tliet sigħat. Malta hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u tinsab ukoll fiż-Żona Shengen. Jekk inti ċittadin tal-UE, inti intitolat li tivvjaġġa b'mod liberu madwar l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

1