Il-Waterfront tal-Belt Valletta, li kellu importanza ekonomika u kulturali kbira ħafna fl-imgħoddi, riċentament ittieħed f'idejn konsorzju u ġie mmodernizzat u ttrasformat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu ta' din il-belt dinamika. Dan il-proġett modern iżda klassiku fl-istess ħin, li jinsab fuq in-naħa tal-Punent tal-Port il-Kbir, iħares lejn il-belt iffortifikata u pittoreska tal-Isla, jikkombina l-bejgħ bl-imnut, id-divertiment u ċentru ta' trasport, li jagħmluh post popolari ħafna kemm mat-turisti kif ukoll man-nies tal-lokal.

Il-Waterfront tal-Belt Valletta huwa essenzjalment kollezzjoni ta' mħażen bi storja ta' sekli sħaħ fejn il-baħħara tal-imgħoddi kienu jorbtu l-dgħajjes u l-bastimenti tagħhom, mgħobbija b'kull ħaġa immaġinabbli, minn teżori għall-aktar oġġetti ordinarji meħtieġa għall-ħajja ta' kuljum f'Malta. Il-vapuri kienu jħottu l-merkanzija tagħhom għall-ispezzjoni u d-dwana mir-rappreżentanti tal-Kavallieri ta' San Ġwann, li kienu l-ħakkiema ta' dawn il-gżejjer.

Għal dawk li qegħdin ifittxu lejla rilassanti ta' ikel tajjeb u divertiment, il-ħafna ristoranti u ħwienet tax-xorb tal-Waterfront tal-Belt Valletta jippreżentaw varjetà ta' alternattivi għall-gosti ta' kulħadd. Il-biċċa l-kbira tal-istabbilimenti joffru l-opportunità li l-klijenti jieklu fil-beraħ qrib ħafna tal-baħar. Barra minn hekk, wieħed jista' jagħżel ukoll li jiekol fuq ġewwa fl-imħażen storiċi li ġew rinovati u ddekorati b'mod mill-aktar eleganti.

Minbarra l-varjetà ta' ristoranti għall-gosti ta' kulħadd, il-Waterfront tal-Belt Valletta jospita wkoll kunċerti u avvenimenti kulturali oħrajn. Minn spettaklu ta' logħob tan-nar fl-Aħħar tas-Sena, għal kunċert għall-beraħ ħdejn il-baħar, sal-Festival tal-Jazz, dan il-post ta' klassi dinjija joffri xi ħaġa għal kulħadd.

Mil-lat prattiku, il-Waterfront tal-Belt Valletta huwa wkoll ċentru ta' trasport mimli attività. Dan il-post joffri s-servizzi ta' taxis fuq il-baħar, vjaġġi bid-dgħajjes fuq id-dgħajsa tradizzjonali Maltija, vjaġġi bl-ajruplani tal-baħar (kif ukoll trasport lejn Għawdex) u, l-aktar importanti, it-terminal tal-cruise-liners. Dan tal-aħħar jilqa' fih aktar minn nofs miljun passiġġier fis-sena u dan in-numru kompla jiżdied b'mod gradwali matul dawn l-aħħar għaxar snin.

 

 

 

 

1