Valletta
 

Fl-1798, il-belt inħatfet mill-forzi Franċiżi. Il-ħakma qasira tagħhom xejn ma kienet popolari mal-Maltin, li eventwalment kienu lesti jgħinu lill-Ingliżi biex jeħilsu darba għal dejjem mill-Franċiżi. L-Assedju ta' Malta kien perjodu ta' sentejn mill-1798 meta t-truppi Franċiżi ġew imġiegħla jirtiraw fil-Belt Valletta wara rewwixta mill-popolazzjoni lokali. L-Ingliżi kienu qegħdin jagħmlu imblokk navali effettiv ħafna li kien qiegħed iċaħħad lill-Franċiżi mill-provvisti vitali. Sal-1800, minħabba n-nuqqas ta' ikel u ilma, kif ukoll minħabba t-tifqigħat ta' mard, il-Franċiżi abbandunaw il-belt, sabiex b'hekk wittew it-triq għal ħakma ta' 164 sena ta' Malta mill-Ingliżi.

Matul il-perjodu tal-ħakma Ingliża, il-Belt Valletta għaddiet minn aktar bidliet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kostruzzjoni. Dawn kienu jinkludu t-twessigħ tat-toroq u tal-bibien tal-belt, kif ukoll il-kostruzzjoni ta' ċerti binjiet notevoli, inkluż il-bini tal-Kamra tal-Kummerċ fi Triq ir-Repubblika u t-Teatru Rjal (Royal Opera House), li wkoll jinsab fi Triq ir-Repubblika. Dan tal-aħħar, bħal ħafna binjiet famużi oħrajn fil-Belt Valletta, kważi nqered għal kollox mill-attakki mill-ajru tal-Ġermaniżi fit-Tieni Gwerra Dinjija, u bħalissa qiegħed jiġi ddisinjat u mibni mill-ġdid mill-arkitett famuż Taljan Renzo Piano.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Belt Valletta esperjenzat fost l-eqqel bombardament fl-Ewropa. Ħafna mill-wirt arkitettorali imprezzabbli tagħha nqered għal kollox, iżda immedjatament wara l-gwerra beda perjodu ta' rikostruzzjoni mingħajr dewmien sabiex terġa' tingħata sura dinjituża lil din il-belt grandjuża.

Il-Belt Valletta tal-lum hija kklassifikata bħala belt ta' wirt dinji tal-UNESCO, li tiġġustifika d-deskrizzjoni tagħha minn Benjamin Disraeli bħala "belt ta' palazzi mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi".
 

.

 

 

 

 

 

 

 

1