This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
Għawdex, li jinsab 20 minuta biss bogħod bil-baħar minn Malta, ta' spiss jissemma b'rabta mat-tgawdija u l-pjaċir, kif wara kollox jgħid ismu stess, li jfisser 'ferħ' bil-Kastiljan.
Il-gżira ta' Għawdex, li hija t-tieni l-akbar waħda tal-Arċipelagu Malti, għandha meded sħaħ ta' ħdura mil-lbiċ sal-majjistral, filwaqt li l-kosta hija mdawra bl-irdumijiet. L-ambjent rurali u l-pass kajman li dan iġib miegħu taw lir-residenti lokali ħajja sempliċi li l-għeruq tagħha jinsabu fil-kultura u fis-soċjetà agrikola u tas-sajd tagħha.
Ir-Rabat, li hija l-belt kapitali ta' Għawdex, għandha ċittadella ffortifikata fuq il-quċċata tal-għolja tagħha, li offriet kenn lill-belt l-antika u sigurtà u protezzjoni mill-attakki tal-għedewwa fl-imgħoddi. Iċ-ċittadella toffri ambjent idilliku bid-djar antiki tagħha, flimkien ma' katidral żgħir li huwa mogħni bi swar impressjonanti.
Għawdex huwa magħruf ukoll bħala l-Gżira ta' Kalipso, li skont it-tradizzjoni kienet ġejja mill-post ta' Ogigia fil-poeżija mitoloġika Griega 'Odissea' ta' Omeru. Il-leġġenda tirrakkonta kif il-gżira kienet ikkontrollata min-ninfa attraenti Kalipso, li kienet żammet lill-maħbub tagħha u l-eroj tal-istorja, Ulisse, bħala priġunier għal seba' snin. Fil-fatt, huwa maħsub li Għawdex huwa l-ekwivalenti modern ta' Ogigia.
Il-gżira Għawdxija hija sinjura f'dawk li huma postijiet storiċi. Biżżejjed insemmu t-Tempji tal-Ġgantija, li flimkien mat-Tempji Megalitiċi ta' Malta, huma l-eqdem strutturi weqfin fid-dinja.
Għawdex, li tabilħaqq għandu ambjent aktar seren u naturali minn Malta, huwa magħruf ukoll għat-Tieqa tad-Dwejra (Azure Window), arkata naturali ikonika li ġiet ifformata miljuni ta' snin ilu meta kien ikkollassa għar tal-ġebla tal-franka. Bajjiet imwarrbin u li jolqtu l-għajna huma mferrxin madwar il-gżira kollha, bl-aktar popolari fosthom huma l-Bajjiet ta' Marsalforn u tax-Xlendi, li jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni maħbuba minn ħafna għaddasa u għawwiema.