This website uses cookies
We rely on cookies to play video, display tweets, remember your preferences and to analyze our website trafic. You consent to our cookier if you click "Accept".
Fl-Air Malta, aħna nifhmu li l-industrija tagħna tħalli impatt fuq l-ambjent b'ħafna modi differenti u għandha wkoll irwol sinjifikanti fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet li nservu.
Aħna impenjati li nwettqu l-attivitajiet kollha tagħna b'mod responsabbli u b'modi li jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies u fl-ambjent. Aħna involuti b'mod attiv fil-komunità u ngħinu organizzazzjonijiet magħżula bir-reqqa li jaħdmu sabiex itejbu l-ħajja tan-nies.
L-oqsma ta' impenn tagħna
Bħala l-kumpanija tal-ajru tal-Gżejjer Maltin, aħna involuti f'attivitajiet li jappoġġjaw:
Inizjattivi Artistiċi u Kulturali
L-Air Malta tippromwovi l-arti u l-kultura tal-Gżejjer Maltin. Il-kumpanija tagħna ta' spiss tintgħażel bħala t-trasportatur uffiċjali għal artisti u ċelebritajiet li jivvjaġġaw lejn Malta biex jieħdu sehem f'festivals kbar, bħall-European Film Awards, il-Festival tal-Barokk fil-Belt Valletta u l-kunċert tal-Isle of MTV.
Kawżi Umanitarji u Soċjali
L-Air Malta sikwit ikollha ċ-ċans li tassisti lill-pazjenti bil-ħtiġijiet speċjali tagħhom meta jivvjaġġaw biex jieħdu kura medika barra l-pajjiż. Aħna għandna l-faċilitajiet sabiex nakkomodaw lill-pazjenti li jivvjaġġaw fuq stretcher, filwaqt li investejna wkoll f'akkomodazzjoni speċjali - approvata mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni - għal inkubatur tat-trabi biex joqgħod abbord l-ajruplan Airbus tal-kumpanija tal-ajru tagħna għall-ġarr ta' trabi tat-twelid li jkollhom bżonn kura medika urġenti barra l-pajjiż.
Aħna norganizzaw ukoll attivitajiet ta' ġbir ta' fondi biex ngħinu diversi Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs) li huma attivi f'Malta, bħall-Hospice Movement, Puttinu Cares, il-Breast Care Support Group u l-Malta Community Chest Fund.
Barra minn hekk, l-impjegati tagħna waqqfu fond filantropiku msejjaħ ‘Fund For A Smile’. Din l-inizjattiva, li diġà pprovdiet madwar għoxrin sena ta' servizz, torganizza diversi attivitajiet għal tfal bi bżonnijiet speċjali.
Kull sena, l-impjegati tal-Air Malta jagħtu parti mis-salarju tagħhom bħala donazzjoni lid-Dar Tal-Providenza – dar residenzjali li takkomoda persuni b'diżabilità li ma jistgħux jgħixu mal-familji tagħhom.
Organizzazzjonijiet oħrajn li bbenifikaw minn dawn l-inizjattivi jinkludu l-Caritas, il-Fondazzjoni Patrimonju Malti, l-Inspire u l-Kumitat Olimpiku Malti.
Kontribuzzjonijiet Ambjentali
Il-mira tagħna hija li noperaw negozju effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jagħmel dak kollu li jista' biex inaqqas l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Għal dan il-għan, aħna nirrevedu l-operazzjonijiet tagħna kontinwament sabiex nevalwaw l-impronta tal-karbonju tagħhom u indikaturi oħrajn tal-impatt ambjentali sabiex nifhmu kif nistgħu ntejbu l-prestazzjoni ekoloġika tagħna.
L-investiment kontinwu tagħna fit-teknoloġija u l-apparat qiegħed jagħti spinta tajba lil din il-kawża. Fis-snin riċenti, aħna mxejna lejn flotta tal-Airbus aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, introduċejna vetturi li jaħdmu bl-elettriku fl-ajruport u qegħdin nimxu b'pass mgħaġġel lejn uffiċini li jagħmlu inqas użu mill-karti.
L-Air Malta tieħu r-rwol tagħha li tnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima bis-serjetà ħafna u taħdem flimkien mal-imsieħba tagħha - Airbus, l-Assoċjazzjoni tal-Kumpaniji tal-Ajru Ewropej (AEA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru - sabiex tnaqqas l-emissjonijiet u l-ħela tal-fjuwil.
Lokalment - bħala kontribut żgħir iżda sinjifikanti biex intejbu l-ambjent tagħna - l-Air Malta sponsorjat għadd ta' avvenimenti ta' taħwil tas-siġar. Fl-aħħar snin, l-Air Malta ħawlet is-siġar bħala parti mill-kampanja Nazzjonali Tree 4U fil-Park Nazzjonali f'Ta’ Qali, fis-Salini u fil-Kumpless Sportiv ta' Luqa St.Andrews. Il-kumpanija tat ukoll donazzjoni ta' 350 siġra taż-żebbuġ lill-Koperattiva Rurali Manikata.