ARTIKOLU 1 - XI JFISSRU ESPRESSJONIJIET PARTIKOLARI F’DAWN IL-KUNDIZZJONIJIET

Waqt li tkun qed taqra dawn il-kundizzjonijiet, ta’ min jinnota li:

“Aħna”, “tagħna”, “aħna stess” u “lilna” tfisser Air Malta Plc.

“Inti”, “tiegħek” u “inti stess” tfisser kwalunkwe persuna, għajr il-membri tal-ekwipaġġ, li tinġarr jew tkun se tinġarr f’ajruplan konformi ma’ Biljett. (Ara wkoll id-definizzjoni għal “Passiġġier”).

“POSTIJIET MIFTIEHMA GĦALL-WAQFIEN” tfisser dawk il-postijiet, għajr għall-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, imniżżla fuq il-Biljett jew li jidhru fuq l-orarji tagħna bħala postijiet skedati għall-waqfien matul ir-rotta tiegħek.

“KODIĊI NOMINATTIV TAL-LINJA TAL-AJRU” tfisser iż-żewġ karattri jew it-tliet ittri li jidentifikaw trasportaturi tal-ajru partikolari.

“AĠENT AWTORIZZAT” tfisser aġent tal-bejgħ ta’ passiġġieri maħtur minnha biex jirrappreżentana għall-bejgħ ta’ trasport bl-ajru permezz tas-servizzi tagħna

“BAGALJI” tfisser il-proprjetà personali tiegħek li se tieħu miegħek fil-vjaġġ tiegħek. Safejn ma jkunx speċifikat mod ieħor, din tinkludi Bagalji Reġistrati u Mhux Reġistrati.

“BILJETT TAL-BAGALJI” tfisser dawk il-porzjonijiet tal-Biljett li għandhom x’jaqsmu mal-ġarr tal-Bagalji Reġistrati tiegħek.

“TIKKETTA GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAL-BAGALJI” tfisser dokument maħruġ biss għall-identifikazzjoni ta’ Bagalji Reġistrati.

“TRASPORTATUR” tfisser trasportatur tal-ajru għajr aħna stess, li l-kodiċi nominattiv tal-linja tal-ajru tiegħu jidher fuq il-Biljett tiegħek jew fuq Biljett Konġunt.

“BAGALJI REĠISTRATI” tfisser Bagalji għal liema aħna nieħdu l-kustodja u noħorġu Biljett tal-Bagalji.

“LIMITU TA’ ĦIN GĦAR-REĠISTRAZZJONI” tfisser il-limitu ta’ ħin speċifikar mil-linja tal-ajru sa meta inti trid tkun temmejt il-formalitajiet tar-reġistrazzjoni u tkun irċevejt il-pass tal-imbark tiegħek.

“KUNDIZZJONIJIET TAL-KUNTRATT” tfisser dawk id-dikjarazzjonijiet li jinsabu jew li jitwasslu flimkien mal-Biljett jew l-Itinerarju/ir-Riċevuta tiegħek, identifikati hekk u li jinkorporaw, b’referenza, dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport u avviżi.

“BILJETT KONĠUNT” tfisser Biljett maħruġ lilek marbut ma’ Biljett ieħor li flimkien jikkostitwixxu kuntratt waħdieni għall-ġarr.

“KONVENZJONI” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin li huwa applikabbli:

  • il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli Dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja, it-12 ta’ Ottubru 1929 (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Konvenzjoni ta’ Varsavja);
  • il-Konvenzjoni ta’ Varsavja kif emendata fl-Aja fit-28 ta’ Settembru 1955;
  • il-Konvenzjoni ta’ Varsavja kif emendata mill-Protokoll Addizzjonali Nru 1 ta’ Montreal (1975):
  • il-Konvenzjoni ta’ Varsavja kif emendata fl-Aja u mill-Protokoll Addizzjonali Nru 2 ta’ Montreal (1975);
  • il-Konvenzjoni ta’ Varsavja kif emendata fl-Aja u mill-Protokoll Addizzjonali Nru 4 ta’ Montreal (1975);
  • il-Konvenzjoni Supplementari ta’ Guadalajara (1961);
  • il-Konvenzjoni ta’ Montreal (1999)

“KUPUN” tfisser kemm Kupun tat-Titjira tal-karti kif ukoll Kupun Elettroniku, fejn it-tnejn li huma jintitolaw il-passiġġier imsemmi biex jivvjaġġa fuq it-titjira partikolari identifikata fuqu.

“DANNU” tinkludi mewt, feriment, jew feriti fiżiċi fuq Passiġġier, telf, telf parzjali jew serq ta’ jew ħsara oħra fuq Bagalji, b’riżultat ta’ jew b’konnessjoni mal-ġarr jew servizzi relatati oħra provduti minna.

“JIEM” tfisser jiem kalendarji, inklużi s-sebat ijiem kollha tal-ġimgħa; sakemm, għall-iskop ta’ notifika, il-jum li fih tintbagħat in-notifika ma jiġix magħdud; u sakemm ukoll għall-iskopijiet ta’ determinazzjoni tal-validità ta’ Biljett, il-jum li fih jinħareġ il-Biljett, jew tinbeda t-titjira ma jiġix magħdud.

“KUPUN ELETTRONIKU” tfisser kupun elettroniku ta’ titjira jew dokument ieħor ta’ valur li jinżamm fid-database tagħna.

“BILJETT ELETTRONIKU” tfisser l-Itinerarju/ir-Riċevuta maħruġa minna jew f’isimna, il-Kupuni Elettroniċi u, jekk applikabbli, dokument tal-imbark.

"KUPUN TAT-TITJIRA” tfisser dak il-porzjon tal-Biljett li fih in-nota “tajjeb għal vjaġġ”, jew fil-każ ta’ Biljett Elettroniku, il-Kupun Elettroniku, u jindika l-postijiet partikolari fejn int intitolat li tinġarr.

“FORZ A MAĠĠURI” tfisser ċirkostanzi mhux tas-soltu u mhux previsti u li mhumiex fil-kontroll tagħna, fejn ma jistgħux ikunu evitati l-konsegwenzi tagħhom anke jekk tittieħed kull prekawzjoni.

“ITINERARJU/RIĊEVUTA” tfisser dokument jew dokumenti maħruġa minna lil Passiġġieri li qed jivvjaġġaw b’Biljetti Elettroniċi li fihom ikun hemm isem il-Passiġġier, informazzjoni dwar it-titjira u avviżi.

“PASSIĠĠIER" tfisser kwalunkwe persuna, għajr għall-membri tal-ekwipaġġ, li tinġarr jew tkun se tinġarr f’ajruplan konformi ma’ Biljett. (Ara wkoll id-definizzjoni għal “inti”, “tiegħek” u “inti stess”).

“KUPUN TAL-PASSIĠĠIER” jew “RIĊEVUTA TAL-PASSIĠĠIER” tfisser dak il-porzjon tal-Biljett maħruġ minna jew f’isimna, li huwa mmarkat hekk u li bażikament għandu jinżamm minnek.

“DRITTIJIET SPEĊJALI TA’ ĠBID” huma unità internazzjonali ta’ kont, definiti mill-Fond Monetarju Internazzjonali, ibbażati fuq il-valuri ta’ bosta muniti ewlenin. Il-valuri tal-munita tad-Drittijiet Speċjali ta’ Ġbid jitilgħu u jinżlu u jiġu kkalkolati mill-ġdid kull jum bankarju. Dawn il-valuri huma magħrufa minn ħafna mill-banek kummerċjali u huma rrapportati regolarment fil-ġurnali finanzjarji ewlenin.

“STOPOVER” tfisser waqfa skedata fil-vjaġġ tiegħek, f’punt bejn il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, li ddum mhux inqas minn 24 siegħa.

“TARIFFA” tfisser in-nollijiet ippubblikati, ħlasijiet u/jew kundizzjonijiet relatati tal-ġarr ta’ linja tal-ajru, mibgħuta, fejn meħtieġ, lill-awtoritajiet xierqa.

“BILJETT” tfisser kemm id-dokument intitolat “Biljett tal-Passiġġier u Reġistrazzjoni tal-Bagalji” jew il-Biljett Elettroniku, f’kull każ ikun maħruġ minna jew f’isimna, u jinkludi l-Kundizzjonijiet għat-Trasport, avviżi u Kupuni.

“BAGALJI MHUX REĠISTRATI” tfisser kwalunkwe mill-Bagalji tiegħek għajr għall-Bagalji Reġistrati.

 

IL-VIRUS TAL-COVID-19

Sabiex titnaqqas it-trażmissjoni tal-virus tal-COVID-19, il-passiġġieri għandhom imnejn ikollhom bżonn jgħaddu minn kontrolli tat-temperatura fl-ajruport u jilbsu maskra tal-wiċċ obbligatorja fl-ajruport u abbord l-ajruplan. Tfal taħt it-3 snin m’għandhomx bżonn jilbsu maskra tal-wiċċ. Il-passiġġieri li jbatu minn kundizzjoni medika li ma tippermettilhomx li jilbsu maskra tal-wiċċ huma eżentati mill-obbligu tal-maskra tal-wiċċ meta jipprovdu ċertifikat mediku li jiċċertifika l-kundizzjoni tagħhom. Jekk tonqos milli tikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti, għandek imnejn ma titħalliex tivvjaġġa.

Għandek tavża lill-Air Malta jew lill-aġent tal-ivvjaġġar tiegħek mill-aktar fis possibbli, u ma għandekx tmur l-ajruport għat-titjira jekk iseħħ xi wieħed minn dawn li ġejjin:

1) Tkun ġejt iddijanjostikat bil-COVID-19 fi kwalunkwe punt matul l-14-il jum qabel it-titjira tiegħek;
2) Kellek xi wieħed mis-sintomi rilevanti tal-COVID-19 (deni; sogħla li żviluppat dan l-aħħar; telf tat-togħma jew tax-xamm; qtugħ ta’ nifs) fi kwalunkwe punt matul it-8 ijiem qabel it-titjira tiegħek;
3) Kont f’kuntatt mill-qrib (eż. inqas minn żewġ metri għal aktar minn 15-il minuta) ma’ persuna li għandha l-COVID-19 fl-14-il jum qabel it-titjira tiegħek;
4) Inti meħtieġ mir-regolamenti lokali jew nazzjonali li toqgħod kwarantina minħabba raġunijiet relatati mal-COVID-19 għal perjodu li jinkludi d-data tat-titjira.

Jekk fl-ajruport tiġi identifikata xi waħda miċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq, ma tistax titħalla tivvjaġġa.

 

ARTIKOLU 2 - APPLIKABBILTÀ

2.1 ĠENERALI
Għajr għal kif provdut fl-Artikoli 2.2 u 2.4, il-Kundizzjonijiet għat-Trasport tagħna japplikaw għat-titjiriet kollha, jew segmenti ta’ titjiriet, operati minna jew mibjugħa minna lilek bħala prinċipal.

2.2 ATTIVITAJIET CHARTER
Jekk il-ġarr isir konformi ma’ ftehim charter, dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport japplikaw biss sakemm ikunu inkorporati, permezz ta’ referenza jew mod ieħor, fil-ftehim charter jew fil-Biljett.

2.3 QSIM TA’ KODIĊIJIET
Fuq xi servizzi għandna arranġamenti ma’ trasportaturi oħrajn magħrufa bħala “Qsim ta’ Kodiċijiet”. Din tfisser li anke jekk għandek buking magħna u għandek biljett fejn isimna jew il-kodiċi nominattiv tal-linja tal-ajru huwa indikat bħala t-trasportatur, trasportatur ieħor jista’ jopera l-ajruplan. Jekk arranġamenti bħal dawn huma applikabbli, aħna navżawk liema operatur se jopera l-ajruplan meta inti tibbukkjan.

2.4 LIĠI DOMINANTI
Dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport huma applikabbli sakemm ma jkunux inkonsistenti mat-Tariffi tagħna jew mal-liġi applikabbli f’liema każ għandhom japplikaw Tariffi jew liġijiet bħal dawn. Jekk xi dispożizzjoni minn dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport hija invalida taħt kwalunkwe liġi applikabbli, id-dispożizzjonijiet l-oħra għandhom madankollu jibqgħu validi.

2.5 IL-KUNDIZZJONIJIET JAPPLIKAW FUQ IR-REGOLAMENTI
Għajr kif hemm provdut f’dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport, fil-każ ta’ inkonsistenza bejn dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport u kwalunkwe regolamenti oħra li jista’ jkollna, li għandhom x’jaqsmu ma’ suġġetti partikolari, għandhom japplikaw dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport.

ARTIKOLU 3 - BILJETTI

3.1 DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

3.1.1 Aħna nipprovdu trasport biss lill-Passiġġier imsemmi fuq il-Biljett, u tista’ tkun meħtieġ tipproduċi identifikazzjoni xierqa.

3.1.2 Biljett mhuwiex trasferibbli, għajr kif meħtieġ minn xi liġijiet applikabbli lokalment, b’mod partikolari dawk tal-Komunità Ewropea dwar vaganzi organizzati.

3.1.3 Xi Biljetti jistgħu jinbiegħu b’nollijiet bi skont li jistgħu ma jkunux parzjalment jew kompletament rimborżabbli. Għandek tagħżel in-noll li huwa l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tiegħek. Tista’ wkoll tiżgura li għandek assigurazzjoni xierqa biex tkopri każijiet fejn ikollok tikkanċella l-Biljett tiegħek.

3.1.4 Jekk għandek Biljett, kif spjegat fl-Artikolu 3.1.3, li mhuwiex użat kompletament, u ma tistax tivvjaġġa minħabba Forza Maġġuri, u bil-kundizzjoni li inti tavżana immedjatament u tipprovdilna provi ta’ tali Forza Maġġuri, aħna nagħtuk kreditu għall-ammont mhux rimborżabbli tan-noll, għal vjaġġar magħna fil-ġejjieni, suġġett għal tnaqqis ta’ miżata amministrattiva raġonevoli.

3.1.5 Il-Biljett huwa u dejjem jibqa’ l-proprjetà tat-trasportatur li joħorġu.

3.1.6 Ħlief fil-każ ta’ Biljett Elettroniku, inti ma tkunx intitolat li tittajjar fuq titjira jekk ma tippreżentax Biljett validu li jkun fih il-Kupun tat-Titjira għal dik it-titjira u l-Kupuni tat-Titjira l-oħra kollha flimkien mal-Kupun tal-Passiġġier. Barra dan, inti ma tkunx intitolat li tittajjar jekk il-Biljett ippreżentat ikun imqatta’ jew jekk ikun mibdul mod ieħor għajr minna stess jew minn Aġent Awtorizzat tagħna. Fil-każ ta’ Biljett Elettroniku, inti ma tkunx intitolat li tittajjar fuq titjira jekk ma tipprovdix identifikazzjoni pożittiva u Biljett Elettroniku validu jkun inħareġ fuq ismek kif dovut.

3.1.7(a) F’każ ta’ telf jew tqattigħ ta’ Biljett (jew parti minnu) minnek jew f’nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ Biljett li jkun fih il-Kupun tal-Passiġġier u l-Kupuni tat-Titjira mhux użati kollha, fuq talba tiegħek, aħna nibdlu tali Biljett (jew parti minnu) billi noħorġu Biljett ġdid, provdut li jkun hemm evidenza, li tkun tista’ tiġi aċċertata dak il-ħin, li Biljett validu għat-titjira(titjiriet) inkwistjoni kien maħruġ kif dovut u inti tiffirma ftehim li tħallasna lura għal kwalunkwe spejjeż u telf, sal-valur tal-biljett oriġinali, li aħna jew trasportatur ieħor neċessarjament u raġonevolment jeħel minħabba użu ħażin tal-Biljett. Aħna ma nitolbukx rimborż jekk tali telf ikun riżultat tat-traskuraġni tagħna stess. It-trasportatur tal-ħruġ jista’ jimponi miżata amministrattiva raġonevoli għal dan is-servizz, sakemm it-telf jew it-tqattigħ ma kienx minħabba traskuraġni tat-trasportatur tal-ħruġ, jew l-aġent tiegħu.

3.1.7(b) Fejn tali evidenza mhix disponibbli jew inti ma tiffirmax tali ftehim, it-trasportatur li se joħroġ il-Biljett il-ġdid jista’ jitolbok tħallas sal-prezz sħiħ tal-Biljett għal Biljett mibdul, suġġett għal rimborż jekk u meta t-trasportatur tal-ħruġ oriġinali jkun sodisfatt li l-Biljett mitluf jew imqatta’ ma ġiex użat qabel l-iskadenza tal-validità tiegħu. Jekk, wara li jinsab il-Biljett oriġinali qabel l-iskadenza tal-validità tiegħu, inti tippreżentah lit-trasportatur li se joħroġ il-Biljett il-ġdid, ir-rimborż preċedenti jkun ipproċessat dak il-ħin.

3.1.8 Il-Biljett huwa ta’ valur u għaldaqstant għandek tieħu l-miżuri xierqa biex tieħu ħsiebu u tiżgura li ma jiġix mitluf, misruq jew imħassar.

3.2 PERJODU TA’ VALIDITÀ

3.2.1 Ħlief jekk ma jkunx hemm provvediment mod ieħor fuq il-Biljett, f’dawn il-Kundizzjonijiet, jew f’Tariffi applikabbli (li jistgħu jillimitaw il-validità ta’ biljett, f’liema każ il-limitazzjoni tintwera fuq il-Biljett), Biljett huwa validu għal:

(a) sena mid-data tal-ħruġ; jew
(b) suġġett li l-ewwel vjaġġ iseħħ fi żmien sena mid-data tal-ħruġ, sena mid-data tal-ewwel vjaġġ skont il-Biljett.

3.2.2 Meta tkun miżmum milli tivvjaġġa matul il-perjodu ta’ validità tal-Biljett għaliex meta tkun qed tibbukkja aħna ma nkunux nistgħu nikkonfermaw il-buking, il-validità ta’ tali Biljett tiġi estiża, jew inti tista’ tkun intitolat għal rimborż skont l-Artikolu 10.

3.2.3 Jekk wara li tkun bdejt il-vjaġġ, inti tkun miżmum milli tivvjaġġa matul il-perjodu ta’ validità minħabba mard, aħna nistgħu nestendu l-perjodu ta’ validità tal-Biljett tiegħek sad-data meta tkun tajjeb biżżejjed biex tivvjaġġa jew sal-ewwel titjira wara tali data, mill-punt fejn il-vjaġġ jitkompla f’liema spazju jkun hemm disponibbli fil-klassi ta’ servizz li tkun tħallas il-noll għaliha. Tali mard għandu jkun attestat minn ċertifikat mediku. Meta l-kupuni tat-titjira li jibqgħu fil-Biljett, jew fil-każ ta’ Biljett Elettroniku, il-kupun elettroniku, jinvolvu Stopover waħda jew aktar, il-validità ta’ tali Biljett tista’ tiġi estiża għal mhux aktar minn tliet xhur mid-data li tidher fuq tali ċertifikat. F’ċirkostanzi bħal dawn, aħna b’mod simili nestendu l-perjodu ta’ validità ta’ Biljetti ta’ membri oħra tal-familja tiegħek li jkunu qed jakkumpanjawk.

3.2.4 Fil-każ ta’ mewt ta’ Passiġġier waqt il-vjaġġ, il-Biljetti ta’ persuni li qed jakkumpanjaw il-Passiġġier jistgħu jiġu modifikati billi titneħħa l-waqfa minima jew tiġi estiża l-validità. Fil-każ ta’ mewt fil-familja ta’ Passiġġier li jkun beda vjaġġ, il-validità tal-Biljetti tal-Passiġġier u dawk tal-familja tiegħu li qed jakkumpanjaw il-Passiġġier jistgħu jiġu modifikati bl-istess mod. Kwalunkwe modifika għandha ssir fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-mewt validu u kull estensjoni ta’ validità ma għandhiex tkun għal perjodu itwal minn ħamsa u erbgħin (45) Jum mid-data tal-mewt.

3.3 SEKWENZA TAL-KUPUNI U UŻU

3.3.1 Il-Biljett li xtrajt huwa validu biss għat-trasport skont kif jidher fil-Biljett, mill-post tat-tluq vija kwalunkwe Postijiet ta’ Waqfa Miftiehma sad-destinazzjoni finali. In-noll li ħallast huwa bbażat fuq it-Tariffa tagħna u huwa għat-trasport kif jidher fil-Biljett. Huwa jifforma parti essenzjali tal-kuntratt tagħna miegħek. Il-Biljett ma jkunx onorat u jitlef il-validità tiegħu jekk il-Kupuni kollha ma jintużawx fis-sekwenza provduta fil-Biljett.

3.3.2 Jekk tixtieq tibdel kwalunkwe aspett tat-trasport tiegħek, għandek tikkuntattjana minn qabel. In-noll għat-trasport il-ġdid tiegħek ikun ikkalkolat u tingħata l-għażla jekk taċċettax il-prezz il-ġdid jew iżżommx it-trasport oriġinali tiegħek kif inħareġ il-biljett. Jekk teħtieġ tibdel kwalunkwe aspett tat-trasport tiegħek minħabba Forza Maġġuri, għandek tikkuntattjana hekk kif ikun prattiku għalik u aħna nagħmlu kull sforz raġonevoli biex nittrasportawk għas-Stopover li jmiss jew id-destinazzjoni finali, mingħajr ma nerġgħu nikkalkolaw in-noll.

3.3.3 Jekk tibdel it-trasport tiegħek mingħajr il-kunsens tagħna, aħna nikkalkolaw il-prezz it-tajjeb għall-vjaġġ attwali tiegħek. Inti jkollok tħallas kull differenza bejn il-prezz li ħallast u l-prezz totali applikabbli għat-trasport rivedut. Aħna nagħtuk rimborż tad-differenza jekk il-prezz il-ġdid ikun inqas, iżda altrimenti l-Kupuni mhux użati ma għandhom ebda valur.

3.3.4 Kun af illi filwaqt li għal xi tipi ta’ bidliet ma jkunx hemm bidla fin-noll, għal xi oħrajn, bħal bidla fil-post tat-tluq (pereżempju, jekk ma ttirx għall-ewwel segment) jew iddawwar lura d-direzzjoni tal-vjaġġ tiegħek, jista’ jkun hemm żieda fil-prezz. Ħafna nollijiet speċjali huma validi biss fid-dati u għat-titjiriet li jidhru fil-Biljett u ma jistgħux jinbidlu, jew jistgħu jinbidlu biss wara li titħallas miżata addizzjonali.

3.3.5 Kull Kupun tat-Titjira li hemm fil-Biljett tiegħek jiġi aċċettat għall-ġarr fil-klassi ta’ servizz fid-data u fuq it-titjira fejn ġie bbukkjat spazju. Meta Biljett jinħareġ oriġinarjament mingħajr ma jiġi speċifikat buking, aktar tard jista’ jiġi bbukkjat spazju suġġett għat-Tariffa tagħna u d-disponibbiltà ta’ spazju fur it-titjira mitluba.

3.3.6 Jekk jogħġbok kun af li f’każ li taqbeż titjira lejn id-destinazzjoni jew kwalunkwe titjira konnessa sussegwenti tiegħek fuq il-biljett (magħrufa bħala “no-show”), mingħajr ma tinfurmana minn qabel (tal-inqas 60 minuta qabel it-tluq skedat tat-titjira lejn id-destinazzjoni), nistgħu nikkanċellaw il-prenotazzjonijiet tat-titjira ta’ ritorn jew ta’ titjira sussegwenti tiegħek. Madankollu, jekk tinfurmana kif previst, il-prenotazzjonijiet tat-titjira ta’ ritorn jew ta’ titjira sussegwenti tiegħek ma jiġux ikkanċellati.

3.4 ISEM U INDIRIZZ TAT-TRASPORTATUR

Isimna jista’ jitqassar għall-Kodiċi Nominattiv tal-Linja tal-Ajru, jew altrimenti, fil-Biljett. L-indirizz tagħna huwa Ajruport ta’ Ħal Luqa, LQA05, Malta.

ARTIKOLU 4 - NOLLIJIET, TAXXI, MIŻATI U ĦLASIJIET

4.1 NOLLIJIET

In-nollijiet japplikaw biss għall-ġarr mill-ajruport fil-punt ta’ oriġini għall-ajruport tal-punt ta’ destinazzjoni, sakemm ma jkunx dikjarat mod ieħor. In-nollijiet ma jinkludux is-servizz ta’ trasport fuq l-art bejn ajruporti jew bejn ajruporti u t-terminals tal-bliet.

In-noll tiegħek ikun ikkalkolat skont it-Tariffa tagħna li tkun fis-seħħ fid-data tal-pagament tal-biljett tiegħek għal vjaġġar fid-dati speċifiċi u l-itinerarju li jidher fuqu.

Jekk tibdel l-itinerarju jew id-dati tal-ivvjaġġar, dan jista’ jibdel in-noll li għandek tħallas.

4.2 TAXXI, MIŻATI U ĦLASIJIET

Taxxi, miżati u ħlasijiet applikabbli imposti mill-gvern jew awtorità oħra, jew mill-operatur ta’ ajruport, għandhom jitħallsu minnek. Meta tixtri l-Biljett tiegħek, tiġi avżat dwar it-taxxi, il-miżati u l-ħlasijiet li mhumiex inklużi fin-noll, u ħafna minn dawn normalment jintwerew separatament fuq il-Biljett. It-taxxi, il-miżati u l-ħlasijiet imposti fuq l-ivvjaġġar bl-ajru qed jinbidlu l-ħin kollu u jistgħu jiġu imposti wara d-data tal-ħruġ tal-Biljett. Jekk hemm żieda f’taxxa, miżata jew ħlas li jidher fuq il-Biljett, inti tkun obbligat li tħallasha. Bl-istess mod, jekk tiġi imposta taxxa, miżata jew ħlas ġdid anke wara li jinħareġ il-Biljett, inti tkun obbligat li tħallashom. B’mod simili, fil-każ meta tkun ħallast lilna xi taxxi, miżati jew ħlasijiet meta jinħareġ il-Biljett u dawn jitneħħew jew jitnaqqsu b’tali mod li ma jibqgħux applikabbli għalik, jew ammont inqas ikun dovut, inti intitolat titlob rimborż.

4.3 MUNITA

Nollijiet, taxxi, miżati u ħlasijiet huma pagabbli fil-munita tal-pajjiż fejn jinħareġ il-Biljett, sakemm munita oħra ma tkunx indikata minna jew minn Aġent Awtorizzat tagħna fi jew qabel ma jsir il-pagament (pereżempju, minħabba li l-munita lokali ma tinbidilx). Nistgħu naċċettaw pagament f’munita oħra, għad-diskrezzjoni tagħna.

ARTIKOLU 5 - BUKINGS

5.1 REKWIŻITI GĦALL-BUKINGS

5.1.1 Aħna jew l-Aġent Awtorizzat tagħna nirrekordjaw il-buking(s) tiegħek. Fuq talba tiegħek aħna nagħtuk konferma bil-miktub tal-buking(s) tiegħek.

5.1.2 Ċerti nollijiet għandhom kundizzjonijiet li jillimitaw jew jeskludu d-dritt tiegħek li tibdel jew tikkanċella bukings.

5.2 LIMITI TA’ ŻMIEN GĦALL-ĦRUĠ TAL-BILJETTI

Jekk ma tkunx ħallast għall-Biljett qabel il-limitu ta’ żmien speċifikat għall-ħruġ tal-biljett, kif avżat minna jew mill-Aġent Awtorizzat tagħna, aħna nistgħu nikkanċellaw il-buking tiegħek.

5.3 DEJTA PERSONALI

Inti taf li aħna ngħatajna dejta personali għall-iskopijiet ta’: ibbukkjar, akkwist ta’ Biljett, kisba ta’ servizzi anċillari, żvilupp u provvediment ta’ servizzi, iffaċilitar ta’ proċeduri tal-immigrazzjoni u tad-dħul, u sabiex din id-dejta tkun disponibbli għal aġenziji tal-gvern, b’konnessjoni mal-ivvjaġġar tiegħek. Għal dawn l-iskopijiet, inti tawtorizzana biex inżommu u nużaw tali dejta u ngħadduha lill-uffiċċji tagħna stess, lil Aġenti Awtorizzati, aġenziji tal-gvern, Trasportaturi oħrajn jew fornituri tas-servizzi msemmija hawn fuq.

5.4 POSTIJIET FUQ L-AJRUPLAN

Nagħmlu mill-aħjar tagħna biex nonoraw talbiet bil-quddiem għal postijiet fuq l-ajruplan. Madankollu, ma nistgħux nagħtu garanzija għal kwalunkwe post partikolari. Aħna nżommu d-dritt li nassenjaw jew nerġgħu nassenjaw il-postijiet fi kwalunkwe ħin, anke wara l-imbark fuq l-ajruplan. Dan jista’ jkun meħtieġ għal raġunijiet operazzjonali, ta’ sigurtà jew ta’ sikurezza.

5.5 KONFERMA MILL-ĠDID TA’ BUKINGS

5.5.1 Il-bukings tat-tluq jew tar-ritorn jistgħu jkunu suġġetti għar-rekwiżit li l-bukings jerġgħu jkunu kkonfermati f’limiti ta’ żmien speċifiċi. Aħna navżawk meta nkunu neħtieġu konferma mill-ġdid, u kif u fejn għandha ssir. Jekk din tkun meħtieġa u inti tonqos milli terġa’ tikkonferma, aħna nistgħu nikkanċellaw il-bukings tat-tluq jew tar-ritorn tiegħek. Madankollu, jekk tavżana li xorta tixtieq tivvjaġġa, u hemm post fuq it-titjira, aħna nerġgħu ndaħħlu l-bukings tiegħek u nittrasportawk. Jekk ma hemmx post fuq it-titjira aħna nagħmlu mill-aħjar tagħna biex nittrasportawk għad-destinazzjoni li jmiss jew id-destinazzjoni finali.

5.5.2 Għandek tiċċekkja r-rekwiżiti ta’ konferma mill-ġdid tat-Trasportaturi l-oħra kollha involuti fil-vjaġġ tiegħek magħhom. Fejn din tkun meħtieġa, inti għandek tikkonferma mill-ġdid mat-Trasportatur li għandu l-kodiċi tiegħu għat-titjira inkwistjoni fuq il-Biljett.

5.6 KANĊELLAZZJONI TA’ BUKINGS TA’ TLUQ

Kun af li jekk ma tippreżentax ruħek għal ebda titjira mingħajr ma tavżana bil-quddiem, aħna nistgħu nikkanċellaw il-bukings tar-ritorn jew tat-tluq tiegħek. Madankollu, jekk tavżana bil-quddiem, aħna ma nikkanċellawx il-bukings tiegħek għal titjiriet sussegwenti.

ARTIKOLU 6 - REĠISTRAZZJONI U IMBARK

6.1 Il-Limiti ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni huma differenti f’kull ajruport u aħna nirrikkmandaw li tinforma ruħek dwar dawn il-Limiti ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni u żżomm dawn il-ħinijiet. Il-vjaġġ tiegħek ikollu inqas problemi jekk tara li jkollok biżżejjed ħin sabiex tkun konformi ma’ dawn il-Limiti ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni. Aħna nżommu d-dritt li nikkanċellaw il-buking tiegħek jekk ma żżommx mal-Limiti ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni kif indikat. Aħna jew l-Aġenti Awtorizzati tagħna navżawk dwar il-Limitu ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni għall-ewwel titjira tiegħek magħna. Għal titjiriet sussegwenti fil-vjaġġ tiegħek, għandek tinforma ruħek dwar il-Limiti ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni. Il-Limiti ta’ Ħin għar-Reġistrazzjoni għat-titjiriet tagħna jinsabu fl-orarju tagħna, jew jistgħu jinkisbu mingħandna jew mill-Aġenti Awtorizzati tagħna.

6.2 Għandek tkun fil-bieb tal-imbark mhux aktar tard mill-ħin speċifikat minna meta tirreġistra.

6.3 Nistgħu nikkanċellaw il-post irriżervat għalik jekk tonqos milli tasal fil-ħin ħdejn il-bieb tal-imbark.

6.4 Aħna ma nkunux responsabbli għal kwalunkwe telf jew spiża mġarrba minnek jekk inti tonqos li tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

ARTIKOLU 7 - RIFJUT U LIMITAZZJONI GĦALL-ĠARR

7.1 DRITT TA’ RIFJUT GĦALL-ĠARR

Waqt li neżerċitaw b’mod raġonevoli d-diskrezzjoni tagħna, aħna nistgħu nirrifjutaw li nittrasportawk jew li nġorru l-Bagalji tiegħek jekk inkunu avżajniek bil-miktub li aħna fi kwalunkwe ħin wara d-data ta’ tali notifika mhux se nittrasportawk fuq it-titjiriet tagħna. F’din iċ-ċirkostanza inti tkun intitolat għal rimborż. Aħna nistgħu nirrifjutaw li nittrasportawk jew li nġorru l-Bagalji tiegħek jekk waħda jew aktar minn dawn li ġejjin ikunu seħħu jew nemmnu b’mod raġonevoli li jistgħu jseħħu:

7.1.1 tali azzjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-liġijiet, ir-regolamenti, jew l-ordnijiet tal-gvern li jkunu applikabbli;

7.1.2 it-trasport tiegħek jew il-ġarr tal-Bagalji tiegħek jista’ jipperikola jew jaffettwa s-sigurtà, is-saħħa, jew materjalment jaffettwa l-kumdità tal-passiġġieri l-oħra jew tal-ekwipaġġ;

7.1.3 l-istat mentali jew fiżiku tiegħek, inkluż l-indeboliment tiegħek minħabba alkoħol jew drogi, jippreżenta periklu jew riskju għalik, għall-passiġġieri, għall-ekwipaġġ, jew għal proprjetà;

7.1.4 inti tirrifjuta li tgħaddi minn kontroll tas-sikurezza;

7.1.5 inti ma ħallastx in-noll, it-taxxi, il-miżati jew il-ħlasijiet applikabbli;

7.1.6 jidher li ma għandekx dokumenti tal-ivvjaġġar validi, qed tipprova tidħol f’pajjiż fejn tista’ tkun waqt tranżitu, jew għal liema inti ma għandekx dokumenti tal-ivvjaġġar validi, teqred id-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek matul it-titjira jew tirrifjuta li tippreżenta d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek lill-ewkipaġġ tat-titjira, b’riċevuta, meta tintalab tagħmel dan;

7.1.7 inti tippreżenta Biljett li nkiseb b’mod illegali, li nxtara minn entità għajr aħna stess jew Aġent Awtorizzat tagħna, li ġie rrapportat mitluf jew misruq, jew li huwa falz, jew ma tistax tagħti prova li inti l-persuna msemmija fuq il-Biljett;

7.1.8 inti tonqos milli tosserva r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3.3 t’hawn fuq dwar is-sekwenza u l-użu tal-kupuni, jew tippreżenta Biljett li ġie maħruġ jew mibdul bi kwalunkwe mod, għajr minna jew minn Aġent Awtorizzat tagħna, jew il-Biljett huwa mqatta’;

7.1.9 inti tonqos milli tosserva l-istruzzjonijiet tagħna fir-rigward tas-sigurtà jew is-sikurezza;

7.1.10 inti preċedentement wettaqt wieħed mill-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija hawn fuq, u għandha raġun naħsbu li tista’ terġa’ tagħmel dan.

7.2 ASSISTENZA SPEĊJALI

Ikun meħtieġ arranġament minn qabel magħna sabiex naċċettaw għat-trasport tfal mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, nisa tqal, persuni morda jew persuni oħra li jeħtieġu assistenza speċjali. Passiġġieri b’diżabilità li avżawna dwar ir-rekwiżiti speċjali tagħhom meta jinħareġ il-biljett, u li ġew aċċettati minna, ma jistgħux sussegwentement jiġu rrifjutati t-trasport fuq il-bażi ta’ tali diżabilità jew rekwiżiti speċjali.

ARTIKOLU 8 - BAGALJI

8.1 KONĊESSJONI TA’ BAGALJI

Inti tista’ ġġorr xi Bagalji, mingħajr ħlas, suġġett għall-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tagħna, li huma disponibbli mingħandna jew minn Aġenti Awtorizzati tagħna fuq talba tiegħek.

8.2 BAGALJI B’PIŻ EĊĊESSIV

Inti tkun meħtieġ tħallas għall-ġarr ta’ Bagalji b’piż li jeċċedi l-konċessjoni tal-Bagalji. Dawn ir-rati huma disponibbli mingħandna fuq talba tiegħek.

8.3 OĠĠETTI LI MHUMIEX AĊĊETTABBLI BĦALA BAGALJI

8.3.1 Fil-Bagalji tiegħek ma tistax tinkludi:

8.3.1.1 oġġetti li jistgħu jipperikolaw l-ajruplan jew il-persuni jew il-proprjetà abbord l-ajruplan, hekk kif speċifikati fir-Regolamenti dwar Oġġetti Perikolużi tal-Istruzzjonijiet Tekniċi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) għat-Trasport Sigur ta’ Oġġetti Perikolużi mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), u fir-regolamenti tagħna (aktar informazzjoni disponibbli mingħandna fuq talba tiegħek);

8.3.1.2 oġġetti li huma pprojbiti għall-ġarr mil-liġijiet, ir-regolamenti jew l-ordnijiet applikabbli ta’ kwalunkwe stat minn fejn jew lejn fejn se tittajjar;

8.3.1.3 oġġetti li huma meqjusa b’mod raġonevoli minna li mhumiex adatti għall-ġarr minħabba li huma perikolużi jew mhux siguri, jew minħabba t-toqol, id-daqs, il-forma jew in-natura tagħhom, jew minħabba li huma fraġli jew jistgħu jitħassru meta jitqies, fost affarijiet oħra, it-tip ta’ajruplan li qed jintuża. Informazzjoni dwar oġġetti mhux aċċettabbli hija disponibbli fuq talba tiegħek.

8.3.2 Armi tan-nar u munizzjoni għajr għal skopijiet ta’ kaċċa u sports huma pprojbiti għall-ġarr bħala Bagalji. Armi tan-nar u munizzjoni għal skopijiet ta’ kaċċa u sports jistgħu jiġu aċċettati bħala Bagalji Reġistrati. L-armi tan-nar iridu jkunu mingħajr karga, bil-molla tas-sigurtà mqabbda, u ppakkjati kif xieraq. Il-ġarr ta’ munizzjoni huwa suġġett għar-regolamenti tal-ICAO u l-IATA kif speċifikat fl-Artikolu 8.3.1.1.

8.3.3 Armi bħal armi tan-nar, xwabel u skieken tal-antikwarjat u oġġetti simili jistgħu jiġu aċċettati bħala Bagalji Reġistrati, fid-diskrezzjoni tagħna, iżda mhumiex permessi fil-kabina tal-ajruplan.

8.3.4 Fil-Bagalji Reġistrati ma tistax tqiegħed flus, ġojjellerija, metalli prezzjużi, kompjuters, tagħmir elettroniku personali, dokumenti, titoli jew oġġetti ta’ valur negozjabbli, dokumenti tan-negozju, passaporti u dokumenti ta’ identifikazzjoni oħrajn jew kampjuni.

8.3.5 Jekk, minkejja li jkunu pprojbiti, oġġetti msemmija fl-Artikoli 8.3.1, 8.3.2 u 8.3.4 jinsabu fil-Bagalji tiegħek, aħna ma nkunux responsabbli għal telf jew ħsara għal tali oġġetti.

8.4 DRITT LI NIRRIFJUTAW IL-ĠARR

8.4.1 Suġġetti għall-Artikoli 8.3.2 u 8.3.3, aħna nirrifjutaw li nġorru bħala Bagalji l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 8.3, u nistgħu nirrifjutaw ġarr ulterjuri ta’ tali oġġetti meta jinsabu.

8.4.2 Nistgħu nirrifjutaw li nġorru bħala Bagalji kwalunkwe oġġett meqjus minna b’mod raġonevoli bħala mhux adattat għall-ġarr minħabba d-daqs, il-forma, il-piż, il-kontenut jew in-natura tiegħu, jew għal raġunijiet ta’ sigurtà jew operazzjonali, jew fl-interess tal-kumdità tal-passiġġieri l-oħra. Informazzjoni dwar oġġetti mhux aċċettabbli hija disponibbli fuq talba tiegħek.

8.4.3 Aħna nistgħu nirrifjutaw li naċċettaw Bagalji għall-ġarr jekk fl-opinjoni raġonevoli tagħna dawn ma jkunux ippakkjati sew u b’mod sigur f’kontenituri adattati. Informazzjoni dwar ippakkjar u kontenituri li mhumiex aċċettabbli għalina hija disponibbli fuq talba tiegħek.

8.5 DRITT GĦAL TFITTIX

Għal raġunijiet ta’ sigurtà u sikurezza aħna nistgħu nitolbuk tħallina nagħmlu tfittxija u skenn tal-persuna tiegħek u tfittxija, skenn jew x-ray tal-Bagalji tiegħek. Jekk m’intix disponibbli, il-Bagalji tiegħek jistgħu jiġu mfittxija fin-nuqqas tiegħek għall-iskop li jiġi determinat jekk għandekx fil-pussess tiegħek jew jekk il-Bagalji tiegħek għandhomx kwalunkwe oġġett imsemmi fl-Artikolu 8.3.1 jew armi tan-nar, munizzjoni jew armi li ma ġewx ippreżentati lilna skont l-Artikoli 8.3.2 jew 8.3.3. Jekk ma tixtieqx toqgħod għal talba bħal din, aħna nistgħu nirrifjutaw li nittrasportawk u li nġorru l-Bagalji tiegħek. Fil-każ li inti ġġarrab Dannu minħabba tfittxija jew skenn, jew il-Bagalji tiegħek iġarrbu Dannu minħabba x-ray jew skenn, aħna ma nkunux responsabbli għal tali Dannu sakemm dan ma jkunx minħabba t-tort jew in-negliġenza tagħna.

8.6 BAGALJI REĠISTRATI

8.6.1 Hekk kif jitwasslu għandna l-Bagalji li tixtieq tirreġistra, aħna nieħdu l-kustodja ta’, u noħorġu Tikketta ta’ Identifikazzjoni tal-Bagalji għal, kull waħda mill-Bagalji Reġistrati tiegħek.

8.6.2 Il-Bagalji Reġistrati għandu jkollhom ismek jew l-identifikazzjoni personali tiegħek imwaħħla magħhom.

8.6.3 Il-Bagalji Reġistrati, meta possibbli, jinġarru fuq l-istess ajruplan tiegħek, għajr jekk niddeċiedu għal raġunijiet ta’ sigurtà, sikurezza jew operazzjonali li nġorruhom fuq titjira alternattiva. Jekk il-Bagalji Reġistrati tiegħek jinġarru fuq titjira sussegwenti, aħna nwassluhom lilek, sakemm il-liġi applikabbli ma titlobx li inti tkun preżenti għall-ħruġ mid-dwana.

8.7 BAGALJI MHUX REĠISTRATI

8.7.1 Aħna nistgħu nispeċifikaw id-dimensjonijiet u/jew il-piż massimu tal-Bagalji li inti ġġorr fuq l-ajruplan. Jekk ma nagħmlux dan, il-Bagalji li inti ġġorr fuq l-ajruplan iridu joqgħodu taħt is-siġġu ta’ quddiemek jew f’kompartiment ta’ ħażna magħluq fil-kabina tal-ajruplan. Jekk il-Bagalji tiegħek ma jistgħux jinħażnu hekk, jew għandhom piż eċċessiv, jew huma meqjusa mhux siguri għal kwalunkwe raġuni, dawn għandhom jinġarru bħala Bagalji Reġistrati, suġġetti għall-Artikoli 8.2 u 8.3.

8.7.2 Oġġetti li mhumiex adattati għall-ġarr fil-kompartiment tal-merkanzija (bħal strumenti mużikali delikati), u li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8.7.1 ta’ hawn fuq, ikunu aċċettati biss għall-ġarr fil-kompartiment tal-kabina jekk tkun avżajtna bil-quddiem u tingħata permess mingħandna. Tista’ tkun meħtieġ tħallas ħlas separat għal dan is-servizz.

8.8 ĠBIR U TWASSIL TA’ BAGALJI REĠISTRATI

8.8.1 Suġġett għall-Artikolu 8.6.3, inti meħtieġ tiġbor il-Bagalji Reġistrati tiegħek hekk kif dawn ikunu disponibbli fid-destinazzjoni tiegħek jew fis-Stopover. Jekk inti ma tiġborhomx fi żmien raġonevoli, nistgħu nitolbuk tħallas miżata għall-ħażna. Jekk il-Bagalji Reġistrati tiegħek ma jinġabrux fi żmien tliet (3) xhur minn meta jkunu disponibbli, aħna nistgħu neħilsu minnhom mingħajr ebda obbligu lejk.

8.8.2 Huwa biss id-detentur tal-Biljett tal-Bagalji u t-Tikketta ta’ Identifikazzjoni tal-Bagalji li huwa intitolat li jirċievi l-Bagalji Reġistrati.

8.8.3 Jekk persuna li tiġi tiġbor Bagalji Reġistrati ma tkunx tista’ tippreżenta l-Biljett tal-Bagalji u tidentifika l-Bagalji permezz tat-Tikketta ta’ Identifikazzjoni tal-Bagalji, aħna nagħtu l-Bagalji lil tali persuna bil-kundizzjoni biss li din tistabbilixxi d-dritt tagħha għall-Bagalji għas-sodisfazzjon tagħna.

8.9 ANNIMALI

Aħna nżommu d-dritt, fid-diskrezzjoni assoluta tagħna, li nirrifjutaw li nġorru annimali. Jekk naqblu li nġorru annimali, dawn jinġarru suġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

8.9.1 Għandek tiżgura li annimali bħal klieb, qtates, għasafar tad-dar u annimali domestiċi tad-dar oħrajn, jitqiegħdu kif suppost f’ċestun (jew jinġarru f’kontenitur li jkun konformi ma’ rekwiżiti legali applikabbli) u jkollhom magħhom ċertifikati validi tas-saħħa u t-tilqim, permessi għad-dħul, u dokumenti oħrajn meħtieġa mill-pajjiżi ta’ dħul jew ta’ tranżitu, fejn fin-nuqqas ta’ dawn, l-annimali ma jiġux aċċettati għall-ġarr. Tali ġarr jista’ jkun suġġett għal kundizzjonijiet speċifikati minna, li huma disponibbli fuq talba tiegħek.

8.9.2 Jekk jiġi aċċettat bħala Bagalji, l-annimal, flimkien mal-kontenitur u l-ikel tiegħu, ma jiġux inklużi mal-konċessjoni tal-Bagalji, iżda jkunu meqjusa bħala bagalji b’piż eċċessiv, u inti tkun obbligat tħallas ir-rata applikabbli.

8.9.3 Klieb gwida li jakkumpanjaw Passiġġieri b’diżabiltajiet jinġarru mingħajr ħlas flimkien mal-konċessjoni tal-bagalji normali, suġġetti għal kundizzjonijiet speċifikati minna, li huma disponibbli fuq talba tiegħek.

8.9.4 Fil-każijiet fejn il-ġarr mhuwiex suġġett għar-regoli ta’ responsabbiltà tal-Konvenzjoni, aħna m’aħniex responsabbli għall-korriment ta’ jew it-telf, il-mard jew il-mewt ta’ annimal li aħna qbilna li nġorru sakemm dan ma jkunx minħabba traskuraġni tagħna.

8.9.5 Aħna ma jkollna ebda obbligu fir-rigward ta’ annimal li ma jkollux id-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ, id-dħul u tas-saħħa u dokumenti oħra fir-rigward tad-dħul tal-annimal jew il-passaġġ minn kwalunkwe pajjiż, stat jew territorju u l-persuna li qed iġġorr l-annimal trid tħallasna lura għal kwalunkwe penali, spejjeż, telf jew obbligi imposti jew imġarrba minna b’mod raġonevoli bħala riżultat ta’ dan.

8.10 OĠĠETTI LI JITNEĦĦEW MILL-PERSUNAL TAS-SIKUREZZA TAL-AJRUPORT

Aħna ma nkunux responsabbli għal, jew ma jkollna ebda obbligu fir-rigward ta’ oġġetti li jitneħħew mill-Bagalji tiegħek mill-persunal tas-sikurezza tal-ajruport li jkunu qed jaġixxu skont ir-regolamenti applikabbli.

ARTIKOLU 9 – SKEDI, DEWMIEN, KANĊELLAZZJONI TA’ TITJIRIET

9.1 SKEDI

9.1.1 Il-ħinijiet tat-titjiriet li jidhru fl-orarji jistgħu jinbidlu mid-data tal-pubblikazzjoni sad-data attwali meta tkun se tivvjaġġa. Aħna ma nagħtux garanzija għalihom u dawn ma jagħmlux parti mill-kuntratt tiegħek magħna.

9.1.2 Qabel ma naċċettaw il-buking tiegħek, aħna navżawk dwar il-ħin skedat tat-titjira li jkun fis-seħħ dak iż-żmien, u dan ikun muri fuq il-Biljett tiegħek. Huwa possibbli li nkunu meħtieġa nbidlu l-ħin skedat tat-titjira wara li jkun inħareġ il-Biljett tiegħek. Jekk tagħtina informazzjoni tal-kuntatt, aħna nagħmlu mill-aħjar tagħna biex navżawk dwar kull bidla. Jekk, wara li tkun xtrajt il-Biljett, aħna nagħmlu bidla sinifikanti fil-ħin skedat tat-titjira, li ma jkunx aċċettabbli għalik, u aħna ma nkunux nistgħu nsibulek post fuq titjira alternattiva li hija aċċettabbli għalik, inti tkun intitolat għal rimborż skont l-Artikolu 10.2. Għaldaqstant għandek tagħtina d-dettalji tal-kuntatt tiegħek meta tagħmel il-buking.

9.2 KANĊELLAZZJONI, IRROTTAR MILL-ĠDID, DEWMIEN, EĊĊ.

9.2.1 Aħna nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nevitaw dewmien għat-titjira tiegħek u l-ġarr tal-Bagalji tiegħek. Fl-eżerċitar ta’ dawn il-miżuri u biex nevitaw il-kanċellazzjoni ta’ titjira, f’ċirkostanzi eċċezzjonali nistgħu nagħmlu arranġamenti sabiex titjira topera f’isimna minn trasportatur u/jew ajruplan alternattiv.

9.2.2 Għajr għal provvediment ieħor mill-Konvenzjoni, jekk nikkanċellaw titjira, nonqsu milli noperaw titjira b’mod raġonevoli skont l-iskeda, nonqsu milli nieqfu fid-destinazzjoni tiegħek jew f’destinazzjoni ta’ Stopover, jew inkunu kawża li inti titlef titjira ta’ konnessjoni li jkollok buking ikkonfermat għaliha, aħna, bl-għażla tiegħek, jew:

9.2.2.1 nittrasportawk mal-ewwel opportunità fuq wieħed mis-servizzi skedati tagħna fejn ikun hemm spazju mingħajr ħlas addizzjonali, u fejn meħtieġ, nestendu l-validità tal-Biljett tiegħek; jew

9.2.2.2 f’perjodu raġonevoli ta’ żmien noffrulek irrottar mill-ġdid għad-destinazzjoni murija fuq il-Biljett tiegħek mis-servizzi tagħna stess jew minn dawk ta’ trasportatur ieħor, jew bi ftehim reċiproku, permezz ma’ mezz ieħor u klassi ta’ trasport mingħajr ħlas addizzjonali. Jekk in-noll u l-ħlasijiet għall-irrottar rivedut huma inqas milli ħallast, aħna nagħtuk lura d-differenza; jew

9.2.2.3 nagħtuk rimborż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10.2.

9.2.3 Jekk iseħħu okkorrenzi kif stipulati fl-Artikolu 9.2.2, għajr għal provvedimenti oħra mill-Konvenzjoni jew liġi applikabbli (inkluż b’mod partikolari r-Regolament KE 261/2004), l-għażliet spjegati fl-Artikolu 9.2.2.1 sa9.2.2.3 huma r-rimedji waħdanin u esklussivi disponibbli għalik u aħna ma jkollna ebda aktar responsabbiltà lejk.

9.3 KUMPENS GĦAL IMBARK MHUX PERMESS

Jekk ma nkunux nistgħu noffru post li qabel kien ikkonfermat, aħna nagħtu kumpens lil dawk il-Passiġġieri li ma ngħatawx permess għall-imbark skont il-liġi applikabbli u l-politika tagħna dwar kumpens għal imbark mhux permess. Kopja tal-politika tagħna dwar kumpens għal imbark mhux permess hija disponibbli fuq talba.

ARTIKOLU 10 – RIMBORŻI

10.1 Aħna nagħtu rimborż għal Biljett jew kull porzjon mhux użat, skont ir-regoli tan-nollijiet applikabbli jew it-Tariffa, hekk kif ġej:

10.1.1 Għajr għal provvediment ieħor f’dan l-Artikolu, aħna nkunu intitolati noffru rimborż jew lill-persuna msemmija fil-Biljett jew lill-persuna li ħallset il-Biljett, hekk kif tkun ippreżentata prova sodisfaċenti ta’ tali pagament.

10.1.2 Jekk Biljett tħallas minn persuna li mhijiex il-Passiġġier imsemmi fil-Biljett, u l-Biljett jindika li hemm restrizzjoni għar-rimborż, aħna noffru rimborż biss lill-persuna li ħallset għall-Biljett, jew skont ordni ta’ dik il-persuna.

10.1.3 Għajr fil-każ ta’ Biljett mitluf, ir-rimborżi jingħataw biss hekk kif il-Biljett u l-Kupuni tat-Titjira mhux użati kollha jiġu ppreżentati lilna.

10.2 RIMBORŻI MHUX VOLONTARJI

10.2.1 Jekk nikkanċellaw titjira, nonqsu milli noperaw titjira b’mod raġonevoli skont l-iskeda, nonqsu milli nieqfu fid-destinazzjoni tiegħek jew fi Stopover, jew inkunu kawża li titlef titjira ta’ konnessjoni li jkollok buking għaliha, l-ammont tar-rimborż ikun:

10.2.1.1 jekk ebda porzjon tal-Biljett ma jkun intuża, ammont ugwali tan-noll imħallas;

10.2.1.2 jekk ikun intuża porzjon tal-Biljett, mhux inqas mid-differenza bejn in-noll imħallas, u n-noll applikabbli għal vjaġġar bejn il-punti li għalihom ikun intuża l-Biljett.

10.3 RIMBORŻI VOLONTARJI

10.3.1 Jekk int intitolat għal rimborż għall-Biljett tiegħek għal raġunijiet għajr dawk stipulati fl-Artikolu 10.2, l-ammont tar-rimborż ikun:

10.3.1.1 jekk ebda porzjon tal-Biljett ma ntuża, ammont ugwali għan-noll imħallas, bit-tnaqqis ta’ ħlasijiet ta’ servizz jew miżati ta’ kanċellazzjoni raġonevoli;

10.3.1.2 jekk intuża porzjon tal-Biljett, ammont ugwali għad-differenza bejn in-noll imħallas u n-noll applikabbli għall-ivvjaġġar bejn il-punti li ntuża l-Biljett għalihom, bit-tnaqqis ta’ ħlasijiet ta’ servizz jew miżati ta’ kanċellazzjoni raġonevoli.

10.4 RIMBORŻ GĦAL BILJETT MITLUF

10.4.1 Jekk titlef il-Biljett tiegħek jew porzjon minnu, hekk kif tippreżentalna prova sodisfaċenti tat-telfa, u tagħmel ħlas raġonevoli tal-amministrazzjoni, isir rimborż hekk kif ikun prattiku wara l-iskadenza tal-perjodu tal-validità tal-Biljett, bil-kundizzjoni:

10.4.1.1 li l-Biljett mitluf, jew porzjon minnu, ma jkunx intuża, ma jkunx ġie rimborżat jew sostitwit minn qabel (għajr meta l-użu, ir-rimborż jew is-sostituzzjoni minn jew lil terza parti tirriżulta mit-traskuraġni tagħna stess).

10.4.1.2 li l-persuna li tkun se tirċievi r-rimborż tieħu impenn, f’forma li tista’ tiġi preskritta minna, biex tħallasna lura l-ammont rimborżat fil-każ ta’ frodi u/jew fil-każ li l-Biljett mitluf jew porzjon minnu jintuża minn terza parti (għajr fejn kull frodi jew użu minn terza parti huwa konsegwenza tat-traskuraġni tagħna stess).

10.4.2 Jekk aħna jew l-Aġent Awtorizzat tagħna nitilfu l-Biljett jew porzjon minnu, it-telfa tkun ir-responsabbiltà tagħna.

10.5 DRITT LI NIRRIFJUTAW RIMBORŻ

10.5.1 Nistgħu nirrifjutaw rimborż jekk l-applikazzjoni ssir wara l-iskadenza tal-validità tal-Biljett.

10.5.2 Nistgħu nirrifjutaw rimborż għal Biljett ippreżentat lilna, jew lil uffiċjali tal-Gvern, bħala prova ta’ intenzjoni ta’ tluq minn dak il-pajjiż, sakemm inti tistabbilixxi għas-sodisfazzjon tagħna li għandek permess tibqa’ fil-pajjiż jew li int se titlaq minn dak il-pajjiż b’trasportatur ieħor jew b’mezz ieħor ta’ trasport.

10.6 MUNITA

Aħna nżommu d-dritt li nagħmlu rimborż fl-istess mod u bl-istess munita użata għall-ħlas tal-Biljett.

10.7 MIN GĦANDU JĦALLAS RIMBORŻ GĦAL BILJETT

Rimborżi volontarji jsiru biss mit-trasportatur li jkun ħareġ il-Biljett oriġinarjament jew mill-aġent tiegħu jekk ikun awtorizzat għal hekk.

ARTIKOLU 11 – IMĠIBA FUQ L-AJRUPLAN

11.1 ĠENERALI

Jekk, fl-opinjoni raġonevoli tagħna, l-imġiba tiegħek fuq l-ajruplan tkun ta’ periklu għall-ajruplan jew kwalunkwe persuna jew proprjetà abbord, jew tostakola lill-ekwipaġġ milli jaqdu dmirijiethom, jew tonqos milli tosserva l-istruzzjonijiet tal-ekwipaġġ, inkluż iżda mhux limitati għal dawk fir-rigward tat-tipjip, il-konsum ta’ alkoħol jew droga, jew iġġib ruħek b’tali mod li toħloq skonfort, inkonvenjent, dannu jew feriment lil passiġġieri oħra jew lill-ekwipaġġ, aħna nistgħu nieħdu tali miżuri meqjusa meħtieġa b’mod raġonevoli biex nipprevjenu li tkompli tali mġiba, inkluż trażżin. Tista’ titniżżel mill-ajruplan u tkun rifjutat milli tkompli bil-vjaġġ fi kwalunkwe punt, u tista’ tiġi mħarrek għal offiżi kommessi fuq l-ajruplan.

11.2 ĦLAS TA’ SPEJJEŻ GĦAD-DEVJAZZJONI

Jekk, b’konsegwenza tal-imġiba tiegħek kif imsemmi fl-Artikolu 11.1, aħna niddeċiedu, fl-eżerċitar tad-diskrezzjoni raġonevoli tagħna, li niddevjaw l-ajruplan bl-iskop li nniżżluk, inti trid tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn dik id-devjazzjoni.

11.3 TAGĦMIR ELETTRONIKU

Għal raġunijiet ta’ sikurezza, aħna nistgħu nipprojbixxu jew nillimitaw it-tħaddim fuq l-ajruplan ta’ tagħmir elettroniku, inkluż, iżda mhux limitat għal, telefowns ċellulari, laptops, rikorders li jinġarru, radjijiet li jinġarru, CD players, logħob elettroniku jew tagħmir tat-trażmissjoni, inklużi ġugarelli kkontrollati bir-radju jew walkie-talkies. Huwa permess it-tħaddim ta’ apparat akustiku u pacemakers tal-qalb.

ARTIKOLU 12 – ARRANĠAMENTI GĦAL SERVIZZI ADDIZZJONALI

12.1 Jekk nagħmlu arranġament għalik ma’ terza parti għall-provvediment ta’ servizzi għajr għat-trasport bl-ajru, jew jekk noħorġu biljett jew vawċer relatat mat-trasport jew is-servizzi (għajr għat-trasport bl-ajru) provduti minn terza parti bħall-bukings ta’ lukandi jew kiri ta’ karozza, meta nagħmlu dan, aħna nkunu biss l-aġent tiegħek. Japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur tas-servizzi tat-terza parti.

12.2 Jekk qed nipprovdulek ukoll trasport bl-art, jistgħu japplikaw ukoll kundizzjonijiet oħrajn għal tali trasport bl-art. Tali kundizzjonijiet huma disponibbli mingħandna fuq talba.

ARTIKOLU 13 – FORMALITAJIET AMMINISTRATTIVI

13.1 ĠENERALI

13.1.1 Int responsabbli biex tikseb id-dokumenti u l-viżas kollha meħtieġa u biex tosserva l-liġijiet, ir-regolamenti, l-ordnijiet, it-talbiet u r-rekwiżiti tal-ivvjaġġar kollha tal-pajjiżi li se ssiefer minnhom, lejhom jew tgħaddi minnhom fi tranżitu.

13.1.2 Aħna ma nkunux responsabbli għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe Passiġġier li jonqos milli jikseb tali dokumenti jew viżas jew li josserva tali liġijiet, regolamenti, ordnijiet, talbiet, rekwiżiti, regoli jew struzzjonijiet.

13.2 DOKUMENTI TAL-IVVJAĠĠAR

Qabel ma tivvjaġġa, jeħtieġ li tippreżenta d-dokumenti kollha tal-ħruġ, tad-dħul u tas-saħħa u dokumenti oħrajn kif meħtieġ mil-liġi, ir-regolament, l-ordni, it-talba jew rekwiżit ieħor tal-pajjiżi kkonċernati, u tagħtina permess li nieħdu u nżommu kopji ta’ dawn. Inżommu d-dritt li nirrifjutaw it-trasport jekk ma tkunx osservajt dawn ir-rekwiżiti, jew jekk id-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek jidhru li mhumiex tajbin.

13.3 DĦUL IRRIFJUTAT

Jekk ma tingħatax permess tidħol fi kwalunkwe pajjiż, int tkun responsabbli biex tħallas kull multa jew ħlas miġjub kontrina mill-Gvern ikkonċernat u għall-ispiża tat-trasport tiegħek minn dak il-pajjiż. Ma nagħtux rimborż għan-noll imħallas għat-trasport sal-punt fejn ġejt rifjutat jew ma ġejtx mogħti permess tidħol.

13.4 IL-PASSIĠĠIER RESPONSABBLI GĦAL MULTI, SPEJJEŻ TA’ DETENZJONI, EĊĊ.

Jekk inkunu meħtieġa nħallsu multa jew piena jew inġarrbu spejjeż minħabba n-nuqqas tiegħek milli tosserva liġijiet, regolamenti, ordnijiet, talbiet jew rekwiżit oħra tal-ivvjaġġar tal-pajjiżi kkonċernati jew li tipproduċi d-dokumenti meħtieġa, int trid tħallasna lura fuq talba ta’ kull ammont imħallas għalhekk jew għal kull spiża mġarrba. Għal tali ħlas jew spiża, nistgħu napplikaw il-valur ta’ kull trasport mhux użat fuq il-biljett tiegħek, jew il-fondi tiegħek li jkollna f’idejna.

13.5 SPEZZJONI TAD-DWANA

Jekk meħtieġ, trid tattendi għal spezzjoni tal—Bagalji tiegħek, mid-dwana jew uffiċjali tal-Gvern oħrajn. Aħna m’aħniex responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara miġruba minnek matul tali spezzjoni jew min-nuqqas tiegħek li tosserva dan ir-rekwiżit.

13.5 SPEZZJONI TAS-SIKUREZZA

Inti tkun suġġett għal kwalunkwe kontrolli tas-sikurezza minn Gvernijiet, uffiċjali tal-ajruport, Trasportaturi jew minna stess.

ARTIKOLU 14 – TRASPORTATURI SUĊĊESSIVI

It-trasport minna u Trasportaturi oħrajn fuq Biljett wieħed jew Biljett Konġunt jitqies bħala operazzjoni waħdanija għall-iskopijiet tal-Konvenzjoni. Madankollu, niġbdu l-attenzjoni tiegħek għall-Artikolu 15.5.1.

ARTIKOLU 15 – RESPONSABBILTÀ GĦAL DANNU

15.1 APPLIKABBILTÀ

Ir-responsabbiltà ta’ kull trasportatur involut fil-vjaġġ tiegħek tkun determinata mill-kundizzjonijiet tal-ġarr tiegħu stess. Id-dispożizzjonijiet tar-responsabbiltà tagħna huma hekk kif ġej:

15.2 REGOLI APPLIKABBLI

Ir-regoli applikabbli għar-responsabbiltà tagħna huma dawk provduti minn:

  • il-Konvenzjoni, sa fejn din tapplika;
  • ir-Regolament KE 2027/97 kif emendat mir-Regolament KE 889/2002 (meta tali emenda hija effettiva); u
  • sakemm ma tkunx inkonsistenti ma’ dawn hawn fuq imsemmija, il-liġi nazzjonali applikabbli.

15.3 IL-MEWT JEW IL-FERIMENT TA’ PASSIĠĠIERI

15.3.1 Ma jkun hemm ebda limitu artifiċjali għall-ammont tar-responsabbiltà tagħna għall-mewt, il-feriment jew il-korriment fiżiku miġrub minn Passiġġier fil-każ ta’ inċident fuq l-ajruplan jew matul l-imbark jew l-iżbark.

15.3.2 Għal kull dannu sas-somma ekwivalenti għal 128,821 Drittijiet Speċjali ta’ Ġbid, aħna ma neskludux jew nillimitaw ir-responsabbiltà tagħna billi nagħtu prova li aħna u l-aġenti tagħna ħadna l-miżuri meħtieġa kollha biex nevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalina jew għall-aġenti tagħna li nieħdu tali miżuri.

15.3.3 ’Il fuq mil-livell ta’ 128,821 Drittijiet Speċjali ta’ Ġbid aħna nkunu intitolati għad-difiżi disponibbli skont il-Konvenzjoni.

15.3.4 Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15.3.2, jekk nagħtu prova li d-dannu kien ikkawżat minn, jew bil-kontribut ta’, it-traskuraġni tal-Passiġġier ferut jew mejjet, aħna nistgħu nkunu eżonorati bis-sħiħ jew parzjalment mir-responsabbiltà tagħna skont il-liġi applikabbli.

15.3.5 Mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħmistax wara li tkun stabbilita l-identità tal-persuna intitolata għal kumpens, aħna nagħmlu pagamenti bil-quddiem kif jista’ jkun meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati fuq bażi li tkun proporzjonali għas-sofferenza miġruba. Tali ħlas ikun ta’ ammont mhux inqas mill-ekwivalenti ta’ 15,000 Drittijiet Speċjali ta’ Ġbid (jew 16,000 meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament KE 889/2002) għal kull Passiġġier f’każ ta’ mewt.

15.3.6 Pagament bil-quddiem ma jikkostitwix rikonoxximent ta’ responsabbiltà u jista’ jikkumpensa somom sussegwenti mħallsa fuq il-bażi tar-responsabbiltà tagħna, iżda ma jistax jitradd lura, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15.3.4 jew f’ċirkostanzi fejn sussegwentement tingħata prova li l-persuna li rċeviet il-pagament bil-quddiem ikkawżat, jew ikkontribwiet għal, id-dannu permezz ta’ traskuraġni jew ma kenitx il-persuna intitolata għall-kumpens.

15.3.7 Aħna m’aħniex responsabbli għal kwalunkwe mard, korriment jew diżabilità, inkluż mewt, li jistgħu jkunu attribwiti għall-kundizzjoni fiżika tiegħek jew għall-aggravazzjoni ta’ tali kundizzjoni.

15.4 BAGALJI

15.4.1 Għajr fil-każ ta’ att jew nuqqas magħmul b’intenzjoni li jikkawża dannu jew bi traskuraġni u bl-għarfien li jista’ jirriżulta dannu, ir-responsabbiltà tagħna fil-każ ta’ ħsara fuq Bagalji tkun limitata kif provdut mill-Konvenzjoni:

  • fejn tapplika l-Konvenzjoni ta’ Varsavja, il-limitu normalment ikun 17-il Dritt Speċjali ta’ Ġbid għal kull kilo għal Bagalji Reġistrati u 332 Drittijiet Speċjali ta’ Ġbid għal Bagalji Mhux Reġistrati;
  • fejn tapplika l-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-limitu jkun ta’ 1,288 Drittijiet Speċjali ta’ Ġbid għal kull Passiġġier (għal Bagalji Reġistrati u Mhux Reġistrati); provdut li jekk skont il-liġi hemm applikabbli limiti differenti ta’ responsabbiltà, għandhom japplikaw tali limiti differenti. Jekk il-piż tal-Bagalji Reġistrati tiegħek mhux imniżżel fuq il-kontroll tal-bagalji, huwa preżunt li l-piż totali tal-Bagalji Reġistrati ma jaqbiżx il-konċessjoni applikabbli ta’ bagalji bla ħlas għall-klassi tat-trasport ikkonċernata.

15.4.1 Jekk fil-ħin meta l-bagalji reġistrati tiegħek jingħataw lit-Trasportatur, int tkun għamilt dikjarazzjoni speċjali ta’ interess għal kunsinna fid-destinazzjoni u tkun ħallast somma supplementari, ir-responsabbiltà tat-Trasportatur għandha tkun is-somma li ma taqbiżx is-somma dikjarata, sakemm ma tingħatax prova li s-somma hija akbar mill-interess attwali tiegħek għal kunsinna fid-destinazzjoni.

15.4.2 Aħna ma nkunux responsabbli għal dannu fuq Bagalji Mhux Reġistrati sakemm tali dannu ma jkunx ikkawżat bit-traskuraġni tagħna.

15.4.3 Aħna ma nkunux responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Bagalji tiegħek. Int tkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Bagalji tiegħek lil persuni jew proprjetà oħra, inkluża proprjetà tagħna.

15.4.4 Ma jkollna ebda responsabbiltà għal dannu fuq oġġetti mhux permessi li jkunu f’Bagalji Reġistrati skont l-Artikolu 8.3, inkluż oġġetti fraġli jew li jitħassru, oġġetti li għandhom valur speċjali, bħal flus, ġojjellerija, metalli prezzjużi, kompjuters, tagħmir elettroniku personali, dokumenti trasferibbli, titoli, jew oġġetti oħra ta’ valur, dokumenti tan-negozju, passaporti u dokumenti ta’ identifikazzjoni oħrajn, jew kampjuni.

15.5 ĠENERALI

15.5.1 Jekk noħorġu biljett jew nirreġistraw Bagalji għall-ġarr fuq trasportatur ieħor, aħna nagħmlu dan biss bħala aġent għat-Trasportatur l-ieħor. Madankollu, fir-rigward ta’ Bagalji Reġistrati, tista’ tagħmel klejm kontra l-ewwel jew l-aħħar Trasportatur.

15.5.2 M’aħniex responsabbli għal kwalunkwe dannu li jinqala’ minħabba li aħna nkunu konformi ma’ jew fin-nuqqas tiegħek li tosserva l-liġijiet applikabbli jew regoli u regolamenti tal-Gvern.

15.5.3 Għajr jekk jista’ jsir speċifikament provvediment mod ieħor f’dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport jew b’liġi applikabbli, aħna nkunu responsabbli għalik għal danni ta’ kumpens li jistgħu jkunu rkuprati għal telf bi prova biss.

15.5.4 Il-kuntratt għat-trasport, inklużi dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport u esklużjonijiet jew limiti ta’ responsabbiltà, japplika għall-aġenti awtorizzati tagħna, il-qaddejja, l-impjegati u r-rappreżentanti bl-istess firxa kif dan u dawn japplikaw għalina. L-ammont totali li jista’ jiġi rkuprat mingħandna u mill-aġenti awtorizzati tagħna, l-impjegati, ir-rappreżentanti u persuni m’għandux jaqbeż l-ammont tar-responsabbiltà tagħna stess, jekk hemm.

15.5.5 M’hemm xejn f’dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport li jħassar kwalunkwe esklużjoni jew limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħna skont il-Konvenzjoni jew il-liġijiet applikabbli sakemm ma jkunx dikjarat espressament mod ieħor.

15.5.6 M’hemm xejn f’dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport li jħassar kwalunkwe esklużjoni jew limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħna jew kwalunkwe difiża disponibbli għalina skont il-Konvenzjoni jew il-liġijiet applikabbli jew kwalunkwe persuna li huwa responsabbli biex iħallas kumpens jew ħallas kumpens fir-rigward tal-mewt, il-feriment jew korriment fiżiku ieħor ta’ Passiġġier.

ARTIKOLU 16 – LIMITAZZJONI TA’ ŻMIEN FUQ KLEJMS U AZZJONIJIET

16.1 NOTIFIKA TA’ KLEJMS

Bl-aċċettazzjoni tal-Bagalji mid-detentur tal-Biljett tal-Bagalji mingħajr ilment fil-ħin tal-kunsinna hija prova suffiċjenti li l-Bagalji twasslu f’kundizzjoni tajba u skont il-kuntratt tal-ġarr, sakemm int ma tagħtix prova mod ieħor.

Jekk tixtieq tiffajlja klejm jew azzjoni rigward Dannu għal Bagalji Reġistrati, int għandek tavżana hekk kif tiskopri d-Dannu, u l-aktar l-aktar, fi żmien sebat (7) Ijiem mir-riċevuta tal-Bagalji. Jekk tixtieq tiffajlja klejm jew azzjoni dwar dewmien tal-Bagalji Reġistrati, int għandek tavżana fi żmien wieħed u għoxrin (21) Jum mid-data li fiha l-Bagalji tħallew għad-dispożizzjoni tiegħek. Kull notifika għandha ssir bil-miktub.

16.2 LIMITAZZJONI TA’ AZZJONIJIET

Kull dritt għal danni jiskadi jekk azzjoni ma tiġix ippreżentata fi żmien sentejn mid-data tal-wasla fid-destinazzjoni, jew mid-data li fiha l-ajruplan kien skedat li jasal, jew mid-data li fiha twaqqaf il-ġarr.

Il-metodu tal-kalkolu tal-perjodu ta’ limitazzjoni jkun determinat mil-liġi tal-qorti fejn jinstema’ l-każ.

ARTIKOLU 17 – KUNDIZZJONIJIET OĦRAJN

It-trasport tiegħek u tal-Bagalji tiegħek huwa pprovdut ukoll skont ċerti regolamenti u kundizzjonijiet oħrajn li japplikaw għalina jew li ġew adottati minna. Dawn ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet kif varjati minn żmien għal żmien huma importanti. Dawn jirrigwardaw fost oħrajn:

(i) il-ġarr ta’ minorenni mhux akkumpanjati, nisa tqal, u passiġġieri morda,
(ii) restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ tagħmir u oġġetti elettroniċi;
(iii) il-konsum fuq l-ajruplan ta’ xorb alkoħoliku.

Regolamenti dwar dawn l-affarijiet huma disponibbli mingħandna fuq talba

ARTIKOLU 18 – INTERPRETAZZJONI

It-titlu ta’ kull Artikolu ta’ dawn il-Kundizzjonijiet għat-Trasport huma biss għall-konvenjenza, u m’għandux jintuża għall-interpretazzjoni tat-test.